Internazzjonali

L-Awstrija: L-estremisti tal-lemin jiċċelebraw rebħa elettorali bla preċedent

Il-Kap tal-Partit  FPÖ magħmul mill-estremisti tal-lemin, qal li hu u l-kollegi rnexxielhom jiftħu l-bieb għal era politika ġdida fl-Awstrij.a L-FPÖ, fil-fatt, qed jiċċelebra rebħa bla preċedent fl-elezzjoni ġenerali ta’ tmiem il-ġimgħa, bil-Kap Herbert Kickl iwiegħed lis-sostenituri li l-partit tiegħu għandu jindirizza ‘l-aktar affarijiet li qed jinkwetaw lill-poplu fil-preżent’.

Iżda l-formazzjoni ta’ Gvern ġdid mistennija tkun ikkumplikata, bil-partit ta’ Kickl jirbaħ biss 29.2 fil-mija tal-vot – kważi tliet punti perċentwali aktar mill-Partit tal-Poplu (ÖVP) konservattiv tal-Kanċillier Awstrijak Karl Nehammer.

U għalkemm l-FPÖ hu ‘l bogħod ferm minn maġġoranza, il-fatt li spiċċa bħala l-akbar partit fl-Awstrija hu, fih innifsu, sinifikanti ħafna għall-pajjiż u għall-Ewropa. Dan wara li diversi partiti estremisti tal-lemin, riċentement, kisbu riżultati simili u inkoraġġanti f’diversi Stati tal-kontinent.

Kickl, issa, qed jinsisti li l-partit tiegħu kiseb il-fiduċja tal-elettorat u li l-poplu għenu biex jikteb l-istorja. Iżda għalkemm l-FPÖ, qabel, kien jifforma parti minn koalizzjoni preċedenti, l-ÖVP qed jirrifjuta li jissieħeb fi Gvern immexxi minn Herbert Kickl – b’dan  jikkonfermah il-Kanċillier Nehammer innifsu.

Fl-elezzjoni ġenerali vvutaw madwar 75 fil-mija tal-Awstrijaċi li hu turnout impressjonanti f’dan il-pajjiż.  L-issues ewlenin tal-elezzjoni  kienu l-immigrazzjoni, id-dritt għall-kenn politiku, il-problemi li għaddejja minnu l-ekonomija nazzjonali u l-gwerra fl-Ukrajna,

U filwaqt li fl-Awstrija għadhom qed jingħaddu l-voti mitfugħin bil-posta, l- FPÖ ma indikax x’tip ta’ koalizzjoni qed jaħseb biex jibni fil-futur.