Lokali

L-MUT se tibqa’ għaddejja bid-direttivi minkejja t-theddid tal-prinċipal tal-MCAST

Wara sentejn u disa’ xhur mil-jum li fih skada l-ftehim kollettiv tal-letturi tal-MCAST, int ma int fl-ebda lok li tikkmanda n-negozji li għaddejjin u lanqas int f’lok li tagħti l-ultimatum, u għalhekk id-direttivi tal-MCAST mhux se jieqfu.

Kienet din ir-risposta li tat l-MUT lill-Prinċipal preżenti tal-MCAST Stephen Vella, wara li dan talab lill-union biex tħassar il-protesta li hu skedat għal għada. Dan filwaqt li fl-istess email Vella hedded lill-MUT li jekk ma jwaqqfux id-direttivi, kien se jieħu proċeduri legali.

Fil-korrispondenza tiegħu, Marco Bonnici sostna li mhux sorpriż li l-ewwel komunikazzjoni ta’ bejniethom kienet proprju thedida legali. Bonnici wieġeb li mhux jibża’ minn dan it-thedid, waqt li fakkar lil Vella li kull minn hedded lill-MUT ironikament dejjem spiċċa mkeċċi.

Skont informazzjoni li għandu Net News, Bonnici kiteb ukoll kif Vella qatt ma attenda għal laqgħat ta’ negozji li l-MCAST kellha mal-MUT, u kixef kif minkejja li Vella ilu snin fl-amministrazzjoni tal-MCAST, xorta waħda mhux jifhem kif ma sar l-ebda żvilupp fin-negozji għal ftehim kollettiv ġdid.

Fl-email li bagħat Bonnici lil Vella u anke lill-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Parmanenti Matthew Vella, Bonnici qal ċar u tond li l-MUT m’għandix fiduċja fi Stephen Vella, dan filwaqt li qalu wkoll li mhux se jkun qed jinnegozja il-qbil il-ġdid miegħu.