Il-Qorti ordnat lill-avukat Jason Azzopardi biex iħallas €7,000 f’danni lill-Eks Ministru Carmelo Abela fuq post li kien tella’ fuq Facebook fejn kien qal li Abela kellu x’jaqsam mal-attentata ta’ serqa tal-HSBC fl-2010 f’Ħal Qormi. Dan wara li nstab ħati ta’ malafama fil-konfront tal-Eks Ministru Laburista.
Azzopardi kien allega wkoll li Abela kien ġie mwiegħed is-somma ta’ €300,000 biex titwettaq din l-għajnuna talli hu jagħti aċċess għall-binja li l-hija l-headquarters tal-bank HSBC. L-Eks Ministru Abela dejjem ċaħad din l-allegazzjoni, anke meta Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”, kien qal li Ministru kellu wkoll x’jaqsam ma’ din l-attentat ta’ serqa flimkien mal-Eks Ministru Chris Cardona.
Din l-allegazzjoni mill-avukat Jason Azzopardi kienet saret f’April tal-2021. L-Avukat Jason Azzopardi mistenni jappella mis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Rachel Montebello. Dan fuq il-fatt li l-aħwa Degiorgio, taħt ġurament fil-Qorti, ikkonfermaw dak li kienu ilhom jistqarru, li l-Eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu involuti fis-serqa ppjanata tal-HSBC f’Ħal Qormi.
George u Alfred Degiorgio, kienu xhedu fi proċeduri ta’ malafama li l-Eks Ministru Carmelo Abela fetaħ kontra l-Avukat Jason Azzopardi fuq kummenti li kien għamel fuq il-midja soċjali dwar l-attentat ta’ serqa fil-bank fl-2010.
Carmelo Abela kien fetaħ il-każ kontra Jason Azzopardi għax ħassu malafamat fuq post fuq Facebook fejn Azzopardi qal li Abela kellu x’jaqsam ma’ dan ir-reat infami ta’ attentat ta’ serq bl-armi fl-uffiċċju prinċipali tal-Bank HSBC.
L-Avukat Jason Azzopardi kien qal ukoll li l-Eks Ministru Carmelo Abela ma ħa l-ebda azzjoni legali wara li l-aħwa Degiogio qed jiskontaw 40 sena ħabs talli qatlu lil Daphne Caruana Galizia semmewh bħala wieħed minn żewġ politiċi li “ħarġu istruzzjonijiet” għas-serqa armata falluta tal-HSBC f’Ħal Qormi.
Il-Qorti qalet li l-akkużi fil-konfront ta’ Jason Azzopardi li saru fil-konfront ta’ Abela huma fost l-iktar imputazzjonijiet gravi li kapaċi jagħmlu ħsara irrimedjabbli lir-reputazzjoni tal-persuna. Irid jittieħed qies ukoll tal-fatt li dawn l-imputazzjonijiet saru fil-konfront ta’ persuna li fiż-żmien tal-pubblikazzjoni kienet
tokkupa kariga għolja fil-Gvern tal-ġurnata fejn il-ħsara konsegwenzjali lir-reputazzjoni fuq livell politiku, hija inevitabbli.
Iżda iktar minn hekk, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet malafamanti jikkostitwixxu wkoll attakk fuq il-karattru morali tal-attur u jiskreditawh mhux biss fuq livell politiku iżda fuq kull livell, jimmilita favur
likwidazzjoni ta’ danni f’ammont li ma joqrobx lejn il-minimu.
Fil-fatt, l-imputazzjonijiet ma għandhom x’jaqsmu assolutament xejn mat-twettiq tal-funzjonijiet pubbliċi tal-attur jew għall-kondotta tieghu fuq livell politiku. Ittieħed kont ukoll tal-fatt li l-imputazzjoni ġiet pubblikata fuq pjattaforma tal-midja socjali li hi aċċessibbli fiha nnifisha minn numru indefinit ta’ persuni u b’mod partikolari l-fatt li Azzopardi qatt ma offra apoloġija lil Abela.
Kuntrarjament għal dak li ġie sottomess mill-avukat Azzopardi fin-nota ta’ sottomissjonijiet, il-fatt li Abela ma ħax passi legali ta’ ebda xorta fil-konfront ta’ George Degiorgio u jew Alfred Degiorgio inkonnessjoni mal-istqarrijiet pubbliċi li għamlu fir-rigward tal-involviment ta’ persuni, fosthom l-attur innifsu, fid-delitt tal-holdup.
Il-fatt li baqa’ ma ċaħadx id-dikjarazzjonijiet tagħhom, ma jfissirx li l-pubblikazzjoni mhijiex malafamanti u ma jnaqqas b’ebda mod mill-inferenza ta’ ħsara serja lir-reputazzjoni tiegħu, ikkaġunata bil-pubblikazzjoni.
Dan qed jingħad ukoll għaliex mill-provi li għandha quddiemha l-Qorti, jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet li saru mill-aħwa Degiorgio fejn Azzopardi ssemma’ espressament b’ismu, saru wara l-pubblikazzjoni ta’ Jason Azzopardi fid-9 ta’ April 2021, mertu ta’ din l-azzjoni.
Il-Maġistrat Montebello qalet ukoll li mhemmx prova lanqas li l-avukat Azzopardi ħassar il-post malafamanti. Il-Qorti qalet li qed tikkundanna l-mod irresponsabbli li mexa bih il-konvenut meta minflok
irrikorra lill-awtoritajiet kompetenti u eżerċita d-diliġenza mistennija qabel ippubblika imputazzjoni speċifika ta’ fatt dwar il-kompliċità ta’ Abela f’delitt maġġuri, ippubblika l-fehma tiegħu fir-rigward għaliex deherlu li għandu raġun jasal għal dik il-konklużjoni.
Il-Qorti tirribadixxi, kif diġà affermat f’diversi sentenzi preċedenti, li l-jedd ghal-libertà tal-espressjoni ma jista’ qatt jigi interpretat bħallikieku jagħti protezzjoni lil min jippubblika kif ġieb u laħaq fuq medium li huwa aċċessibbli lil firxa wiesa’ ta’ qarrejja u aċċessibbli wkoll indefinittivament, imputazzjonijiet li huma kapaċi jew li effettivament iħassru r-reputazzjoni ta’ individwu mingħajr ma jaċċerta li jkun jeżisti bażi fattwali, konkreta u oġġettivament riskontrabbli għal dawk l-imputazzjonijiet.
L-Avukat Pawlu Lia assista lil Abela. L-Avukat Joseph Zammit Maempel deher għal Azzopardi.
//= $special ?>