Sport

Malta terġa’ tirbaħ il-Medieval Shield b’rebħa storika kontra l-Italja

Għall-ħames darba konsekuttivi, it-tim nazzjonali Malti tar-rugby rebaħ il-Medieval Shield b’rebħa storika ta’ 42-0 kontra l-Italja, Bagarnia Arsa.

Sal-ewwel taqsima, it-tim Malti kien diġà qed jirbaħ bi skor ta’ 20-0 fejn tul il-partita spikkaw Harrison Jewitt, Josh Gatt u l-captain Karl Cassar u Zarrin Galea li għamel ġirja stupenda ta’ 112-il metru f’waħda mill-aktar tries spettakolari tal-logħba. Zarb, Cassar, Vella, Davenport u Dimech taw ukoll ħafna lit-tim nazzjonali Malti tul il-logħba.

Philip Humphrey, il-kowċ tat-tim Malti, qal li din il-logħba ħallietu bla kliem u kull membru tat-tim lagħab livell għoli tant li qabżu kull aspettattiva u li għamluh kburi ferm.

It-Tim Manager Anthony Micallef fisser li fil-mistrieħ, it-tim wiegħed li jżomm lit-tim Taljan mingħajr ebda punt u li din il-weghda kienet miżmuma, u ddefendew tajjeb il-vantaġġ.

It-tim Malti se jerġa’ jilgħab lill-Italja għall-istess Shield f’pajjiżna s-sena d-dieħla.