Lokali

Seba’ snin tal-Ġlieda għall-Ġustizzja għal Daphne – Repubblika

Repubblika u #occupyjustice qed ifakkru s-seba’ sena mill-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista li ħadmet kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

Waqt l-attivitajiet ta’ din is-sena, Repubblika se tinawgura Strateġija u Manifest kontra l-korruzzjoni intitolat “Niddefendu l-Integrità”. Ser jiġi inawgurat ukoll dokumentarju ġdid, xogħol il-ġurnalisti Julian Delia u Michael Kaden bit-titlu “Untangling the Mafia State”.

L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Ottubru, b’Ġabra Silenzjuża fil-Bidnija fil-ħin u fil-post tal-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, u filgħaxija fil-Belt Valletta, dimostrazzjoni li tibda biswit il-Parlament u tispiċċa bil-velja f’Misraħ l-Assedju l-Kbir.

Fil-velja se jintervjenu Françoise Laborde, ġurnalista prominenti tat-televiżjoni Franċiża u attivista għad-drittijiet tan-nisa u l-minoranzi, u Tiberio Bentivoglio, negozjant Taljan li rrifjuta li jikkollabora mal-mafja, safa mhedded, għex wara attentat fuq ħajtu, u li jaħdem kontra l-kriminalità organizzata.

Il-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona qalet li “għada ma saritx ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia u sakemm din isseħħ aħna fid-dmir li ninsistu li ssir. Wisq anqas saret ġustizzja ma’ pajjiżna li għadu jbati l-konsegwenzi tal-korruzzjoni li Daphne kixfet. Hu dmir tagħna l-Maltin li flimkien insibu l-mod kif nerfgħu r-responsabbiltà għall-agħar ħażen li twettaq f’pajjiżna, biex nitgħallmu minnu u nibnu għal uliedna pajjiż li jrid is-sewwa.”

F’isem #occupyjustice, Louiselle Vassallo qalet li “l-ġustizzja hi dmirna lkoll. Daphne ma stennietx biss lill-awtoritajiet biex jagħmlu s-sewwa. Ma ħaslitx idejha bl-indifferenza meta l-korrotti u l-kriminali ħatfu l-poter. Minflok kixfithom u sfidathom b’riskju kbir għaliha. L-eżempju tagħha jkaxkarna. U dmirna nfakkru l-eżempju tagħha waqt li niġġieldu biex issir ġustizzja magħha u ma’ Malta.”

L-organizzaturi qed jagħmlu appell lill-pubbliku biex jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet ta’ tifkira u jgħinu biex jitħallsu l-ispejjeż biex jittellgħu billi jagħtu donazzjoni fuq is-sit ta’ crowdfunding fundrazr.com/Daphne-7Years.