Lokali

Skema ta’ “għajnuna” li mhi tagħti ebda servizz utli

Dak li ħabbar il-Ministru Jonathan Attard dwar l-għajnuna professjonali għal dawk affettwati minn xogħol ta’ kostruzzjoni, fil-verità, mhix għajnuna li qed tħalli l-effett mixtieq.

Fil-fatt, persuni li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif huma ppruvaw jużaw dan is-servizz. Iżda kelliema għall-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, qaltilhom li f’każ ta’ avukat dan jista’ biss “jispjegalek”.

Dan ifisser li l-avukat ġie gwidat biex meta jiltaqa’ mal-klijenti jirrifjuta li jagħti parir. U fil-prattika, ma jagħti l-ebda servizzi – bħal pereżempju sempliċiment tintbagħat ittra uffiċjali, u lanqas jaċċetta li jitla’ l-Qorti miegħek f’każ li tkun trid tiftaħ kawża.

Bażikament, l-avukat jagħti biss spjegazzjoni tal-liġi – li wieħed jista’ faċilment isibha online.

Dan apparti li n-nies qed idumu mill-inqas madwar erba’ ġimgħat biex jerġa’ jsir kuntatt mal-persuna ħalli isir appuntament; li jfisser stennija itwal. Sitwazzjoni redikola meta tikkunsidra li meta wieħed ikollu bżonn għajnuna legali f’każ ta’ kostruzzjoni, is-sitwazzjoni tkun ta’ urġenza – b’mod speċjali f’każ ta’ riskju għal ħajjet in-nies.

Iżda minkejja dan kollu, waqt it-tnedija ta’ din l-iskema l-Gvern kien qal li l-BCA “se tibda toffri servizz ta’ għajnuna professjonali bla ħlas minn avukati u periti lil persuni li jistgħu jiġu affettwati minn xogħol ta’ kostruzzjoni li jkun għaddej ma’ ġenb il-proprjetà tagħhom.”

Għalkemm issa huwa ċar li fil-prattika n-nies ma ngħataw l-ebda servizz utli ġdid, tant li xorta waħda qed ikollhom jonfqu l-flus biex jieħdu dak li hu dritt tagħhom.