Sport Sport Ieħor

Super Cup Finali Nisa: Bettson Depiro jerbħu l-ewwel unur tal-istaġun

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Caffè Moak Luxol…………..59

Bettson Depiro………………76

(10-25)(20-18)(15-24)(14-9)

Fil-finali tas-Super Cup femminili, Bettson Depiro ħarġu rebbieħa b’riżultat ta’ 76-59, fejn iddominaw il-logħba mill-bidu sal-aħħar minkejja l-isforzi ta’ Luxol biex jirkupraw id-distakk.

Iż-żewġ timijiet kellom tibdil fuq il-bank fejn Roderick Vella ħa post Santino Coppa fuq il-bank ta’ Luxol, filwaqt li Julian Naudi ħa post Adrian Baldacchino fuq il-bank ta’ Depiro. Fost it-tibdil fil-players kien hemm ir-ritorn ta’ Sarah Pace wara nuqqas ta’ sentejn għal Luxol u player Amerikana ġdida fuq kull naħa. Luxol issa għandom lil Brandi Huffhines filwaqt li Depiro rreġistraw lil Jensen Caretti.

Depiro rebħu dan l-unur għal sitt darbiet fl-istorja tagħhom, bl-aħħar waħda però tkun fl-istaġun 2010-2011. Il-partita kellha bidu kwiet bil-Luxol jieħdu vantaġġ ta’ basket 7-5 wara li kien hemm trippla fuq kull naħa minn Huffhines u Julia Borg. Depiro ħadu l-vantaġġ wara punti minn Claire Ciantar u Sophie Abela biex huma komplew bi break ta’ 15-2 bi trippla ta’ Kristy Galea u l-punti minn Borg, Abela u Caretti biex temmew l-ewwel sessjoni 25-10 minn fuq.

Fit-tieni sessjoni, Luxol ippruvaw jirkupraw meta għamlu l-ewwel 10 punti mingħajr risposta fosthom trippla oħra minn Huffhines u naqqsu d-distakk għal 5 punti. Hawn Depiro kellhom mument tajjeb fejn għamlu fost l-oħrajn tliet trippli konsekuttivi minn Caretti u Borg hekk kif komplew b’run ta’ 14-4. Luxol wieġbu b’żewġ three pointers minn Lisa Fenech Pace u S. Pace, però fl-intervall Depiro kienu 13 minn fuq 43-30.

Il-bidu tat-tielet sessjoni kien bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin biex Depiro setgħu jżommu l-vantaġġ li kellhom. Pace għamlet trippla oħra għal Luxol qabel ma’ Depiro għamlu run ta’ 11-0 biex saħansitra fetħu vantaġġ ta’ 25 punt 62-37. Luxol ippruvaw jirkupraw u kellhom il-punti konsekuttivi minn Pace, Huffhines u L. Fenech Pace, però Depiro kienu għadom 67-45 minn fuq fi tmiem it-taqsima.

Fl-aħħar perjodu Depiro saħħew il-vantaġġ b’żewġ trippli u żammew vantaġġ ta’ 25 punt, 75-50. L-aħħar sforz ta’ Luxol issarraf fi break ta’ 9-0 li però ma kienx biżżejjed biex jinkwieta lil Depiro li żammew il-vantaġġ sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 76-59.

Fi tmiem il-partita, il-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lill-captain ta’ Depiro Claire Ciantar fost il-ferħ tal-partitarji numerużi tagħhom.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott, S. Pace 9, L. Fenech Pace 5, M. Marmara, N. Vella 1, J. Said 1, E. Abela S. Fenech Pace 11, J. Diaby 6, B. Huffhines 14, V. Baldacchino 2, A. Fenech Pace 9.

Bettson Depiro: S. Abela 7, L, Catania, N. Agius, J Borg Xerri 2, J. Magri, J. Mallia 3, L. Sciberras, C. Ciantar 5, J. Caretti 21, J. Borg 21, N. Borg 4, K. Galea 13.

Referees: Nicky Azzopardi, Fiorentina Ciurariu, Nestor Rincon