Colin Schembri
Starlites JSD……………….86
Sigma Depiro……………85
(17-12)(25-15)(6-22)(19-18)(10-10)(9-8)
Iċ-champions Starlites JSD żammew l-unur li rebħu għal dawn l-aħħar żewġ staġuni meta fil-finali tas-Super Cup għal dan l-istaġun għelbu lil Sigma Depiro 86-85. Il-logħba kienet waħda eċċitanti ħafna, b’żewġ sessjonijiet ta’ ħin barrani u bidliet frekwenti fil-vantaġġ.
Iż-żewġ timijiet ipproduċew wirjiet individwali b’saħħithom fejn għal Starlites din kienet it-tielet partita fi spazju ta’ sitt ijiem wara l-impenn kontra Famagusta ta’ Ċipru fil-FIBA Euro Cup. Għal Depiro kien hemm id-debutt uffiċjali tal-coach Sasha Dimitrijevic, flimkien mal-players David Bugeja, Dominic Tomasi u l-Amerikan Chase Barrs.
Depiro fetħu l-partita bi trippla ta’ Sean Galea però Starlites kellhom risposta minn Trevan Reddish u Joe Davies. Bugeja għamel l-ewwel punti tiegħu għal Depiro iżda Starlites ukoll kellhom risposta minn Matthew Scerri u Curran għal skor ta’ 17-12. Starlites komplew ikabbru l-vantaġġ fit-tieni perjodu minkejja li Depiro kellhom it-trippli ta’ Miguel Brincat. Wara trippla minn Miguel Fabri għal Starlites, kien hemm tnejn oħra minn Scerri kif ukoll minn Cameron Cornelius u Miguel Brincat għal Depiro, għal skor ta’ 42-27.
Wara l-intervall il-partita ħadet żvolta differenti hekk kif Depiro ħarġu bi break ta’ 13-2 fejn kien hemm il-punti ta’ Bugeja, Brincat, Barrs u triippla ta’ Cornelius biex id-distakk niżel għal erba’ punti. Wara basket minn Davies għal Starlites, Depiro marru fuq quddiem bi break ta’ 7-0 bit-tielet trippla ta’ Cornelius u temmew it-taqsima 49-48 minn fuq.
L-aħħar sessjoni offriet mumenti ta’ emozzjoni minkejja li Depiro fetħu bi tliet trippli minn Brincat, Sean Galea u Tomasi biex fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 58-50. Wara risposta minn Starlites permezz ta’ Reddish u Davies, Depiro ħadu vantaġġ massimu ta’ 9 punti wara trippla oħra ta’ Tomasi. Iċ-champions però wettqu reazzjoni grintuża u fl-aħħar nofs tal-perjodu għaqqdu break ta’ 11-2 li rahom isalvaw il-partita fuq skor ta’ 67-67.
Fl-ewwel sessjoni ta’ ħin barrani, kien hemm il-punti ta’ Cornelius minn Depiro. Ian Felice Pace poġġa lil Starlites fuq quddiem bi trippla, però t-timijiet komplew jirrispondu lil xulxin u ħadd ma rnexxielu jiftaħ vantaġġ. Wara li Cornelius poġġa lil Depiro minn fuq fl-aħħar 30 sekonda, basket ta’ Reddish fl-aħħar tliet sekondi reġa’ ppareġġja l-logħba fuq skor ta’ 77-77 u kien meħtieġ it-tieni perjodu ta’ ħin barrani. Hawn Starlites fetħu vantaġġ wara trippla ta’ Davies u kien l-istess player li għamel il-basket tar-rebħa fl-aħħar sekonda biex poġġa lill-partitarji ta’ Starlites f’dellirju ta’ ferħ hekk kif huma ħarġu rebbieħa 86-85.
Fi tmiem il-partita, il-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Starlites Ian Felice Pace għar-rebħ tal-ewwel unur tal-istaġun.
Starlites JSD: B. Curran 9, J. Davies 24, A. Aquilina, S. Aquilina, I. Felice Pace 9, M. Fabri 3, L. Riolo, M. Scerri 20, L. Farrugia 7, K. Xuereb 2, K. Mortensen 2, T. Reddish 17.
Sigma Depiro: C. Barrs 12, S. Galea 5. D. Bugeja 19, N. Bozovic 2, N. Zivkovic, L. Stefanovic, A. Trapani, D. Tomasi 16, S. Kenely, M. Brincat 16, C. Cornelius 15, M. Debattista.
Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic.
//= $special ?>