Mara ta’ 52 sena minn Bormla nżammet arrestata wara li l-Pulizija allegatament qabditha fil-fatt tarmi droga kokaina mill-karozza tagħha,fil-Marsa. Fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, il-Pulizija li kienu fuq ronda fil-Marsa, innutaw vettura li bdiet issuq b’veloċità eċċessiva.
Meta pprovaw iwaqqfu lil Lorianne Vella li kienet qed issuq, hi żiedet il-veloċita u dehret tarmi xi affarijiet ‘il barra mit-tieqa. Huma rnexxilhom iwaqqfuha fil-Marsa, iżda irrifjutat li tinżel mill-karozza, u saħansitra ħarbet minn fuq il-post.
Il-Pulizija bagħqu jsegwuha u rnexxilhom iwaqqfuha mill-ġdid f’Ħal Tarxien. Meta saret tfittxija fil-karozza tal-mara, instabu miżien, pakkett b’sustanza tal-lewn kannella kif ukoll €1,400 fi flus kontanti. Meta l-Pulizija fittxet fil-post fejn il-mara dehret tarmi l-affarijiet, sabet aktar droga suspettata kokaina kif ukoll mobile.
Il-mara wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha. Quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, id-difiża ddikjarat li mhux se titlob għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, iżda talbet li l-Qorti tagħti l-kura neċessarja lil mara għal vizzju tad-droga.
Id-difiża talbet ukoll li l-akkużata tinżamm fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli. Il-Qorti laqgħet it-talbiet u ħarget ordni ta’ trattament biex il-mara tingħata l-għajnuna kollha meħtiega, kemm dik psikoloġika kif ukoll biex tegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa filwaqt li għall-akkuzata dehru l-Avukati Ishmael Psaila u Maria Sarah Vella Gafa.
//= $special ?>