Tkompli toħroġ aktar evidenti kif għall-Gvern ta’ Robert Abela, Għawdex verament mhuwiex prijorità. Dan hekk kif Triq Karkar u Triq Stellini fix-Xagħra, Għawdex, ilhom is-snin jistennew li jingħataw wiċċ bit-tarmak.
Persuni li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif ix-xogħlijiet fi Triq Stellini bdew ftit xhur qabel l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda. Però, mal-mument li għaddiet l-elezzjoni dawn ix-xogħlijiet waqfu ħesrem.
Minn naħa l-oħra, ix-xogħlijiet fi Triq Karkar ma bdew qatt – b’dawn iż-żewġ toroq qed joħolqu inkonvenjent kbir għar-residenti bħalma jixhdu l-filmati li ttieħdu matul il-jum tal-Ħadd minn din il-Kamra tal-Aħbarijiet.
Apparti li dawn iż-żewġ toroq għandhom bżonn it-tarmac, iridu jkunu kompluti bil-bankini u s-servizzi neċessarji.
Iżda wara l-wegħdiet kollha li għamel il-Ministru Clint Camilleri, dawn iż-żewġ toroq tħallew fi stat diżastruż għall-aħħar, bir-residenti spiċċaw jgħixu fi trabijiet kbar, ħmieġ u żdingar.
Intant, il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kunsilliera fix-Xagħra, Francienne Muscat, Kevin Cutajar u Leanne Micallef, ilhom xhur jitolbu tweġibiet bil-għan li dawn ix-xogħlijiet neċessarji jsiru. Dan apparti li talbu wkoll għal miżuri bħal tindif regolari, biex in-nies ibatu anqas sakemm isiru x-xogħlijiet.
S’issa, jidher li la l-Kunsill tax-Xagħra bi tmexxija Laburista u wisq anqas il-Gvern permezz tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, ma kenux kapaċi jagħtu tweġibiet definittivi. U għalhekk ir-residenti m’għandhomx idea meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet.
//= $special ?>