Il-Qrati jridu jimxu mal-verità, f’soċjetà fejn dak li mhux xieraq huwa skużat u jsir stil ta’ ħajja – isir istituzzjoni – il-mentalità ta’ “mhux kulħadd hekk qed jagħmel?!”
Dan qalu l-Isqof Joe Galea Curmi waqt l-omelija tal-quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-jum li fih fetħet is-sena forensi – li timmarka l-bidu tal-ħidma ta’ sena ġdida fil-Qrati Maltin.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof Awżiljarju stqarr li l-ġudikatura trid taħseb biex tassigura ġustizzja b’mod imparzjali, mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd; ispirati mill-integrità u l-onestà biex isseħħ il-ġustizzja vera.
“Aħsbu fuq dak li huwa ġust, u warrbu l-mentalità fejn il-korruzzjoni, it-tixħim u l-frodi jitqiesu kważi valur”, stqarr l-Isqof Galea Curmi. “Kunu preżenza skomda għal min ma jridx jimxi sewwa”.
L-Isqof insista li bil-pożittiv, is-soċjetà kapaċi tirbaħ fuq in-negattiv. Dan minkejja li l-midja soċjali, fost l-oħrajn, qed tkun miżgħuda b’aħbarijiet foloz. “Tridu taħsbu fl-imħabba u f’dak li hu safi”.
Preżenti għaċ-ċelebrazzjoni fil-Konkatidral kien hemm imħallfin, maġistrati u avukati, kif ukoll personalitajiet oħrajn fosthom il-President Myriam Spiteri Debono u l-Kap tal-PN Bernard Grech.
//= $special ?>