Futbol Sport

Birkirkara jżommu r-ritmu, tasal l-ewwel rebħa ta’ Potenza ma’ Marsaxlokk u Sliema jevitaw it-telfa

(Ritratt: Catriel Farrugia)
Analiżi u kummenti dwar il-Kampjonat Premier

L-OPINJONI

Gowl skurjat tlett minuti minn tmiem il-partita kien biżżejjed sabiex Birkirkara kisbu rebħa oħra li biha issa jinsabu ixxamplati fl-ewwel post tal-klassifika. Il-gowl deċisiv wasal mis-solitu Maxuell Maia li qed ikollu bidu eċċellenti għal dan il-kampjonat fejn s’issa skorja tmien gowls fl-ewwel sitt logħbiet tiegħu.  Kienet logħba diffiċli għall-Istripes fejn Mosta kellhom logħba ferm tajba speċjalment fl-ewwel taqsima fejn nażżarda ngħid li kien ukoll xi ftit aħjar. Fit-tieni taqsima Birkirkara ħadu l-kontroll tal-logħba f’idejhom bil-Mostin jingħalqu wisq fid-difiża. Biex meta Mosta bdew jemmnu li ser jieħdu xi ħaġa minn din il-partita wasal il-gowl li ta t-tlett punti lil Birkirkara.

Leandro Da Silva ppressatt mill-plejers ta’ Birkirkara (Ritratt: Catriel Farrugia)

Logħba kumbattuta u interessanti kienet dik li laqqgħet lil Sliema Wanderers mas-sorpriża  Melita li ntemmet fi draw drammatiku ta’ 2-2. Kienet partita li l-Blues bdew tajjeb fejn kellhom diversi ċansijiet ta’ skor. Iżda t-tkeċċija ta’ Beerman kellha effett negattiv fuqhom minkejja li ftit wara ħadu l-vantaġġ. Melita rrispondew tajjeb fil-bidu tat-tieni taqsima b’żewġ gowls li dawru r-riżultat favur tagħhom. Kien biss fil-ħin mogħti żejjed li Sliema kisbu l-gowl tad-draw biex salvaw il-logħba u ħadu punt minn partita li dehret mitlufa. Il-Wanderers kienu resqin lejn l-ewwel telfa tal-istaġun iżda l-gowl ta’ Henrique ħalla lill-Blues bla telfa u bidu tajjeb għal dan l-istaġun minkejja li komplew jinqatgħu mil-leaders Birkirkara.

Wara li M’Xlokk tilfu kontra Mosta, id-diriġenza tal-klabb iddeċidiet li tibdel il-kowċ bil-ħatra ta’ Enzo Potenza. Mossa li waslet sabiex Marsaxlokk kisbu l-ewwel rebħa u punti tal-istaġun. Dan wara li t-tim Xlukkajr għeleb lil Balzan bl-iskor ta’ 2-1. Marsaxlokk ġew għal din il-partita jfittxu l-ewwel punti wara li tilfu l- ewwel ħames konfronti. Rebħa li issa tat ftit tan-nofs lil Marsaxlokk li donnu xejn ma’ beda jiġihom tajjeb  fl-ewwel logħbiet tagħhom. Minn naħa l-oħra Balzan huma tim li naqas mill-konsistenza hekk kif sa qabel din il-partita huma rebħu logħba waħda kontra Naxxar, ġew draw u tilfu wkoll darbtejn. Iżda fl-aħħar logħba tagħhom Balzan kisbu punt importanti u forsi ftit li xejn mistenni kontra Ħamrun Spartans.

Il-kowċ il-ġdid ta’ Marsaxlokk Enzo Potenza beda l-avventura tiegħu b’rebħa fuq Balzan (Ritratt: Catriel Farrugia)

Anki Hibernians kisbu rebħa minima imma importanti dan wara li huma għelbu lil Żabbar SP bl-iskor ta’ 2-1. Kienet logħba bilanċjata u movimentata ħafna wkoll fejn kien Żabbar li fetħu l-iskor eżatt qabel għalqet l-ewwel taqsima. Iżda r-risposta ta’ Hibernians waslet fit-tieni taqsima, ħamsa u erbgħin minuta oħra intensi li fihom it-tim minn Raħal Ġdid irnexxielu jdawwar ir-riżultat favur tiegħu. Għal Hibernians din kienet it-tielet rebħa tal-istaġun fejn issa jinsabu fil-ħames post tal-klassifika bi ħdax il-punt. Mill-banda l-oħra Żabbar SP jibqgħu tlett postijiet minn qiegħ il-klassifika minkejja li l-wirjiet tagħhom qed ikunu tajbin u qed ikunu ta’ sfida denja għal kull avversarju.

U wara żewġ riżultati negattivi tasal rebħa kbira miċ-Champions Ħamrun Spartans li skorja sitt darbiet mingħajr risposta kontra Naxxar Lions.  Huma kienu ġejjin minn telfa kontra Mosta u draw ma’ Balzan. Għaldaqstant kien importanti ħafna għalihom li minn din il-logħba jiksbu rebħa u fuq kollox wirja tajba. U hekk għamlu. Kif jixhed l-iskor Naxxar Lions qatt ma daħlu fil-partita, b’Hamrun Spartans li kienu dominanti għal kollox tant li setgħu skurjaw iktar.  L-attakkant Franċiż Chris Ndong skorja tnejn mill-gowls għall-Ispartans biex dan kien messaġġ lit-timijiet l-oħra li forsi f’xi mumenti ħasbu li Ħamrun naqsu xi ftit mis-saħħa tagħhom. Naxxar għad għandhom 4 punti biss u jokkupaw il-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika. Ħafna differenti min-Naxxar li rajna l-istaġun li għadda b’mod partikolari fil-bidu tal-istaġun.

Il-goalkeeper Henry Bonello jiċċelebra ma’ sħabu ta’ Ħamrun Spartans (Ritratt: Joseph Galea)

Finalment Floriana komplew bil-bidu tajjeb għal dan l-istaġun dan wara li huma kisbu rebħa u tlett punti oħra din id-darba kontra Gżira United. Kienet rebħa meritata għall-Greens hekk kif huma ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor matul id-disgħin minuta. Bidu tajjeb għalihom fejn ħadu l-vantaġġ biex wara li l-Maroons kisbu l-gowl tad-draw immedjat il-gowl tal-vantaġġ mill-ġdid tagħhom. U x’gowl minn Carlo Zammit Lonardelli. B’din ir-rebħa Floriana issa jinsabu fit-tieni post tal-klassifika punti daqs Sliema u erba’ punti taħt il-leaders Birkirkara. Għal Gżira United din kienet it-tieni telfa tal-istaġun wara li fl-aħħar logħbiet irkupraw sew. Huma bħalissa qed jokkupaw eżattament nofs il-klassifika.

Thiago Nascimento Dos Santos ta’ Floriana jiġri bil-ballun (Ritratt: Joseph Galea)

INNUTAJNA

LI   qabel il-partita bejn Hibernians u Żabbar SP il-player Pawlist Bjorn Kristensen ingħata flokk kommemorattiv fl-okkażjoni tal-400 logħba ma’ Hibernians. Prosit Bjorn u awguri għal aktar logħbiet fl-ogħla livell.

LI   Sheisan Attard daħal bħala sostitut għal Ħamrun Spartans fit-72 minuta tal-logħba kontra Naxxar Lions li huma rebħu bl-iskor ta’ 6-0. Sitt minuti biss wara ż-żgħażugħ ta’ 19-il sena niżżel ismu fost l-iskorers bl-ewwel gowl tiegħu fil-Kampjonat Premier.

Shaisen Attard skorja l-ewwel gowl tiegħu ma’ Ħamrun Spartans (Ritratt: Joseph Galea)

LI   player li qed jispikka fil-bidu ta’ dan l-istaġun huwa l-attakkant ta’ Birkirkara Maxuell Maia. Fil-fatt il-medja ta’ gowls ta’ dan il-player hija ta’ aktar minn gowl f’kull partita. Fi tmiem il-ġimgħa huwa kien għal darb’oħra determinanti bil-gowl tar-rebħa kontra Mosta.