Sport

Champion tad-Dinja taċ-Ċikliżmu fit-triq

Ritratt: EPA

Tadej Pogacar tas-Slovenja, huwa ċ-Champion tad-Dinja taċ-Ċikliżmu fit-triq fil-Kampjonat tal-Unjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu li sar fl-Iżvizzera. Wara r-rebħ tat-Tour de France u l-Giro d’Italia, sar l-ewwel ċiklist mill-1987 li rebaħ it-triple crown taċ-ċikliżmu fl-istess staġun.

Is-Sloven ta’ 26 sena rebaħ it-tellieqa ta’ 273 kilometru madwar Zurich f’6 sigħat, 27minuta u 30 sekonda, b’distakk mill-Awstraljan Ben O’Connor ta’ 34 sec, u l-avversarju Olandiż Mathieu van der Poel li temm fit-tielet post b’distakk ta’ 58 sekonda.

It-tellieqa bdiet mill-belt ta’ Winterthur, u inkludiet seba’ dawriet madwar Zurich, bi sfida ta’ 4,470 metru ta’ elevazzjoni li b’xi mod kienet tiffavorixxi ċiklisti ta’ statura rqieqa bħalma huwa Pogacar.

Wara dan is-suċċess, Tadej Pogacar jingħaqad ma’ Stephen Roche tal-Irlanda fl-1987, u l-Belġjan Eddy Merckx fl-1974 li bħalu kienu l-uniċi li rebħu t-triple crown tal-irġiel.

Annemiek van Vleuten kienet kisbet it-triple crown tan-nisa fl-2022.