Ir-residenti jixirqilhom serħan tal-moħħ. U ma jistax ikun li għandna diversi lokalitajiet bl-għases magħluqin.
Dan iddikjarawh id-deputati tal-PN Darren Carabott u Albert Buttigieg f’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu. Il-konferenza twasslet minn quddiem l-għassa ta’ San Ġwann, li ilha xhur sħaħ magħluqa – kif inhuma magħluqin diversi għases f’lokalitajiet varji madwar il-pajjiż.
Il-PN insista li jeħtieġ li jkun hemm riżorsi allokati għall-uffiċjali tal-Pulizija, u li l-Gvern jassigura li jkun hemm sigurtà fil-lokalitajiet – partikolarment f’din iz-zona tal-pajjiż fejn kien hemm żieda f’ċertu reati.
“In-nies qed jilmentaw, u mhux jaċċettaw il-fatt li għassa tkun magħluqa”, spjega d-deputat Albert Buttigieg.
Minn naħa tiegħu, Darren Carabott insista li r-responsabbiltà trid tintrefa’ kemm fuq il-Ministru Byron Camilleri kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Sindki tas-Swieqi, Ħal Għargħur, l-Imsida u l-minority leader tal-PN fil-Gżira. Dan apparti li qed tinġabar petizzjoni minn kunsillieri tal-PN sabiex ir-residenti jwasslu l-vuċi tagħhom.
Intant, waqt l-istess konferenza, il-PN sellem lill-uffiċjali kollha tal-korpi dixxiplinarji f’pajjiżna u nsista li jinsab kommess li bħala Gvern alternattiv ikompli jinvesti fihom.
//= $special ?>