Sport

Iċ-champions Valletta St Paul’s jibdew b’rebħa

Iċ-champions Valletta St Paul’s bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni bl-aqwa mod possibbli meta kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra t-tim promoss ta’ Mqabba Albions.

Il-Beltin għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru minn fuq wara biss seba’ minuti permezz ta’ Vitor Henrique. Erba’ minuti wara, l-iskorer prolifiku Elton da Silva skorja t-tieni gowl sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-0.

Fit-tieni taqsima, is-St Paul’s ikkontrollaw tajjeb u sabu l-ħin jiskorjaw it-tielet gowl sitt minuti minn tmiem il-konfront grazzi għal Ian Zammit.

Ir-referee għal din il-logħba kien Jean Pierre Mifsud.

Jirbu wkoll Marsa St Michael’s

Anke Marsa St Michael’s bdew l-istaġun 2024/25 bl-aħjar mod meta b’gowl f’kull taqsima għelbu lit-tim promoss l-ieħor ta’ Ta’ Ġiorni Wanderers. Il-Marsin ikkontrollaw tajjeb il-logħba b’Ta’ Ġiorni li bdew joperaw ħafna bil-kontrattakki.

Marsa marru minn fuq fid-disa’ minuta permezz ta’ Nikola Neskovic sabiex tmien minuti minn tmiem il-partita, Yessous Camilleri ssiġġilla r-rebħa favur it-tim tiegħu.

Ir-referee kien Gordon Barbara.

Kampjonat tat-tieni diviżjoni

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni kellna logħba spettakolari bejn Valletta Stars St Dominic u Birżebbuġa St Peter’s AFC hekk kif l-iskor finali kien dak ta’ 6-6. Kienet partita fejn l-attakkant kienu l-protagonisti prinċipali għalkemm ma kinitx il-ġurnata tad-difiżi rispettivi li kien hemm mumenti fejn inqabdu fuq sieq waħda u kkonċedew il-gowls.

Protagonista għal Birżebbuġa kien Junior Ohalewe li skorja tliet gowls b’David Ejiofor iżid tnejn oħra u b’Anthony Brown Sammut li għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.

Valletta kellhom lil Mohamed Abdukadir jiskorja doppjetta b’Damang Marena, Nemanja Stankovic, Alieu Bah u Klajdi Qose li komplew jiskorjaw aktar gowls għall-Beltin li fallew ċans tad-deheb fl-ewwel taqsima meta Deisler Azzopardi falla penalty.

Ir-referee kien Lorry Sammut.

Anke Senglea Gunners bdew l-istaġun b’rebħa ta’ 4-3 kontra Attard Edex Kings. Ma kinitx xi rebħa faċli għat-tim mill-Kottonera li sa tmiem l-ewwel taqsima kienu 3-1 minn taħt. Iżda d-determinazzjoni tagħhom ippremjathom tant li kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun. Kienu Senglea Gunners li marru minn fuq permezz ta’ Milan Grkovic sabiex f’temp ta’ 12-il minuta, Attard skorjaw tliet gowls b’doppjetta ta’ Miguel Acevedo u gowl ieħor ta’ Ifeanyi Wisdom.

Fit-tieni taqsima, l-Isla ħarġu ferm aggressivi u saħansitra rnexxielhom jiskorjaw tliet gowls permezz ta’ doppjetta ta’ George Frendo u gowl ieħor ta’ Andrea Rufa.

Ir-referee kien Peter Abela.

It-tielet diviżjoni

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Naxxar Victorians u t-tim debuttant ta’ St Paul’s Bay NMFC ikkanċellaw lil xulxin fi draw ta’ mingħajr gowls.

Iż-żewġ difiżi kienu ferm tajbin u kien għalhekk li l-ebda gowl ma ġie skorjat, biż-żewġ naħat li ħadu punt kull wieħed.

Ir-referee kien Alex Grech.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Paul’s, Marsa St Michael, Għaxaq Wolves 3; San Ġiljan Saints, San Ġwann Pro Evolution Academy 1; Balluta Barracudas, Ta’ Ġiorni Wanderers, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIENI DIVIŻJONI

Gudja Wanderers, Senglea Gunners 3; Birżebbuġa St Peter’s AFC, Ħamrun Amateurs, Żebbuġ Youngsters, Valletta Stars St Dominic 1; Attard Edex Kings, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA T-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 3; St Paul’s Bay, Naxxar Victorians 1; Qajjenza AFC, Mosta Vikings 0.