Lokali

“Id-dewmien esaġerat jibqa’ l-ikbar problema fil-Qrati ta’ pajjiżna” – PN

Id-dewmien esaġerat fis-smigħ tal-kawżi jibqa’ l-ikbar problema fil-Qrati ta’ pajjiżna u huwa riżultat tan-nuqqas ta’ investiment mill-Gvern fir-riżorsi umani u fl-infrastruttura meħtieġa. Sal-lum il-Gvern ħalla lill-Qrati ta’ pajjiżna mifnija b’nuqqas ta’ spazju adegwat fejn jistgħu jinstemgħu l-kawżi, b’nuqqas kbir ta’ ħaddiema u b’nuqqas kbir ta’ riżorsi oħra.

Fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi, il-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa tiegħu biex isir l-investiment fir-riżorsi umani u fl-infrastruttura fiżika tas-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna biex din issir waħda effiċjenti u effettiva.

Fi stqarrija, Karol Aquilina, Shadow Minister għall-Ġustizzja, qal li jkun inutli li l-Gvern iħabbar li se titwaqqaf mill-ġdid il-Qorti tal-Kummerċ jew li se jsiru bidliet fil-Qorti tal-Familja jekk dawn il-passi ma jkunux akkumpanjati minn investiment qawwi fir-riżorsi umani u fl-infrastruttura tal-Qrati tagħna.

L-istatistika uffiċjali turi li fost oħrajn, fl-aħħar ta’ Lulju 2024 fil-kamp kriminali:

  • Wieħed mill-Maġistrati kellu 8,401 proċedura pendenti quddiemu, li jinkludu 2,588 każ dwar traffiku u 5,558 il-appell minn deċiżjonijiet tal-Kummissarju għall-Ġustizzja;
  • Maġistrat ieħor kellu 1,483 każ ta’ vjolenza domestika pendenti quddiemu; u
  • Maġistrat ieħor kellu 1,347 kawża tad-distrett pendenti quddiemu.

Fil-qasam ċivili, jirriżulta li f’Awwissu 2024 kien hemm:

  • Ħames Imħallfin b’aktar minn 500 kawża kull wieħed pendenti quddiemhom;
  • Sitt Imħallfin b’bejn 400 u 500 kawża kull wieħed pendenti quddiemhom;
  • Il-Qorti Kostituzzjonali bi 323 kawża pendenti quddiemha.

Din l-istatistika turi li f’pajjiżna għandna eluf ta’ persuni u negozji li qed issir inġustizzja magħhom minħabba d-dewmien esaġerat biex jinstemgħu u jiġu deċiżi kawżi li huma involuti fihom. Turi wkoll li l-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna qegħdin jintalbu jagħmlu l-impossibbli fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’riżorsi limitati.

Huwa skandaluż ukoll li wara kważi sena, il-Maġistrati li ġew maħtura biex jwettqu biss l-inkjesti maġisterjali, tħallew mingħajr spazju adegwat minn fejn jaħdmu u mingħajr staff permanenti assenjat magħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li sistema tal-ġustizzja ineffiċjenti u ineffettiva hija piż inġust fuq il-familji u n-negozji u ddgħajjef il-kompettività ta’ pajjiżna. Jekk il-Gvern jibqa’ ma jinvestix fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna jkun qed jagħżel li ma jirrispettax is-saltna tad-dritt u jkun qed ixekkel liċ-ċittadini fit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-fiduċja sħiħa tiegħu fl-Imħallfin u fil-Maġistrati kollha ta’ pajjiżna, li għandhom id-dehen, l-għerf u l-kuraġġ meħtieġa biex jaqdu d-doveri tagħhom skont il-Liġi, mingħajr biża’ jew favur.