Internazzjonali

Il-Libanu: Invażjoni li għandha ddum il-ġranet aktar milli ġimgħat

It-truppi tal-Armata Iżraeljana, bħalma mistenni, invadew il-Libanu bħala parti minn offensiva tal-art kontra l-milizji Xiti tal-grupp Ħeżbollah.

L-inkursjoni qed tkun imfissra bħala waħda ‘limitata u lokalizzata fil-konfront tal-miri speċifiċi’ u meta sal-bieraħ ma kienx hemm rapporti ta’ battalji bejn is-suldati u l-milizji Lebaniżi alleati mal-Iran.

Madankollu, l-inċertezza tas-sitwazzjoni wasslet ukoll għall-evakwazzjoni tar-residenti minn xi 25 villaġġ fil-Libanu li kapaċi ‘l quddiem jinbidlu f’zoni tal-gwerra.

Fl-istess ħin, Daniel Hagari, bħala Kelliem Ewlieni għall-qawwiet Iżraeljani, qal li l-inkursjoni militari fil-Libanu għandha titqies bħala rejd estiż u li għandu jdum għall-ġranet u mhux ġimgħat.

Hu kompla li s-suldati ta’ pajjiżu huma lesti biex jiġġieldu f’kull ħin mal-Ħeżbollah iżda qal ukoll li l-militar Iżraeljan mhux beħsiebu javvanza sa Bejrut, il-kapitali Lebaniża, inkella sal-ibliet l-oħra fin-Nofsinar tal-Libanu.

Sadanittant, il-Prim Ministru Lebaniż, Najib Mikati, qal li l-Libanu qed jiffaċċja ‘waħda mill-aktar fażijiet perikolużi fl-istorja tiegħu’ – fost il-konferma li l-ammont tar-refuġjati interni issa qabeż il-miljun.

Dan waqt li l-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani komplew jattakkaw is-siti indikati bħala ċentri tal-Ħeżbollah f’Bejrut, u meta kien hemm ukoll attakk fuq il-kamp ta’ Ain Al Hilweh għar-refuġjati Palestinjani fil-belt ta’ Sidon u fejn irriżultaw il-vittmi. L-Iżraeljani qed jgħidu li l-kamp anki qed jintuża mill-Ħeżbollah bħala ċentru ta’ loġistika u għal funzjonijiet oħrajn tal-milizji.

Min-naħa tagħhom, il-Ħeżbollah sparaw il-missili lejn il-kwartieri ġenerali tal-Mossad, fiz-zona ta’ Tel Aviv, u fejn ma rriżultawx il-ħsarat gravi.

Il-Mossad hi l-fergħa internazzjonali tas-servizzi sigrieti ta’ Iżrael u meta l-milizji Lebaniżi anki mmiraw il-missili lejn il-kwartieri ta’ Taqsima 8200 – l-entità ċentrali tal-militar Iżraeljan inkarigat bil-ġbir tad-data u informazzjoni.