Internazzjonali

In-NATO: Ir-riedni jgħaddu minn Stoltenberg għal Rutte

L-Eks Prim Ministru Olandiż Mark Rutte, formalment, assuma l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Alleanza tan-NATO – u fejn qed jieħu r-riedni tal-Alleanza tal-Punent mingħand in-Norveġiż Jens Stoltenberg.

Rutte wiegħed, fost oħrajn, li l-Alleanza għandha tagħti priorità lill-kalvarju li għaddejja minnha l-Ukrajna filwaqt li tenna l-ħtieġa li n-NATO iżżid il-kapaċitajiet tagħha f’diversi oqsma – mhux l-anqas l-impenji ta’ deterrent fil-konfront tal-azzjonijiet potenzjali min-naħa ta’ xi pajjiżi ostili.

Mark Rutte, filwaqt li indirizza lill-membri tan-North Atlantic Council tal-Alleanza, qal li l-Alleanza mhux talli teħtieġ li żżid l-appoġġ għall-Ukrajna, iżda li anki tiffaċilita t-triq lejn is-sħubija ta’ dan il-pajjiż fin-NATO. Pass li l-mexxejja tal-Istati-membri tan-NATO qed iqisuh bħala inevitabbli u ‘irriversibbli’.

Rutte insista wkoll dwar l-importanza tar-relazzjonijiet transatlantiċi biex in-NATO tissaħħaħ bħala Alleanza. Hu wiegħed li se jaħdem mill-qrib, ‘il quddiem,  ma’ kwalunkwe kandidat (minn fost Kamala Harris u Donald Trump) li jirbaħ l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru fl-Istati Uniti.

Fil-fatt, in-NATO, taħt Rutte, mistennija tieħu l-inizjattivi ġodda lejn it-tisħiħ tad-difiżi u l-funzjonijiet ta’ deterrent bħala kollettiv.

Fl-istess ħin, is-Segretarju Ġenerali ġdid tan-NATO għamilha ċara li jrid anki jinvesti fl-Unjoni Ewropea filwaqt li jaħdem magħha dejjem aktar fil-qrib. U waqt li rrefera għall-UE bħala ‘sieħba unika u essenzjali’, Rutte appella biex il-pajjiżi madwar id-dinja, fosthom l-Istati mhumiex membri, iżidu l-kollaborazzjoni tagħhom mal-Alleanza li qed imexxi.