Fil-Jum Dinji tal-Anzjani, Paula Mifsud Bonnici, Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva, flimkien mal-Partit Nazzjonalista sellmu lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna u jirringrazzjawhom ta’ dak kollu li taw lil pajjiżna matul ħajjithom u tal-kontribut sħiħ li għadhom qed jagħtu sal-lum.
Huwa biss bis-saħħa tal-bżulija, l-għarfien u l-għerf tagħhom li pajjiżna wasal fejn wasal u ta’ dan għandna nkunu grati lejhom u jibqa’ dover tagħna li naraw li l-anzjani f’pajjiżna jiġu trattati bl-akbar dinjità u rispett.
Sfortunament, f’pajjiżna l-anzjani tagħna qed jiffaċċjaw problemi serji, fosthom il-piżijiet tal-għoli tal-ħajja, l-aktar fil-prezzijiet tal-ikel u l-mediċini, pensjonijiet li jibqgħu mhux adegwati u n-nuqqas kbir tal-Gvern li jinvesti f’servizzi aktar effiċjenti u innovattivi għall-anzjani bil-konsegwenza li qed naraw żidiet qawwija fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali fost l-anzjani tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ impenjat li jħaddan politika favur anzjanità attiva li permezz tagħha l-anzjani jistgħu jibqgħu attivi anke fid-dinja tax-xogħol wara li jirtiraw. Se naraw li tiġi indirizzata bis-serjetà l-problema tal-abbuż fuq l-anzjani kif ukoll li jkollna liġijiet adegwati li jipproteġu aktar lill-persuni vulnerabbli li sal-lum dan il-Gvern għadu qed jirrifjuta li jdaħħal. Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex inkunu ta’ sostenn ukoll għall-familji tal-anzjani, speċjalment ta’ dawk li jbatu mill-marda tad-dimensja li kulma tmur qiegħda dejjem tiżdied f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jieħu l-okkażjoni biex isellem ukoll lil min jaħdem f’dan il-qasam għall-impenn u d-dedikazzjoni kbira favur l-anzjani tagħna, kif ukoll lill-għaqdiet kollha tal-anzjani li qed ikunu l-vuċi tal-anzjani f’pajjiżna, speċjalment ta’ dawk li ma għandhomx min jiddefendihom.
//= $special ?>