Internazzjonali

Iżrael: Il-qawwiet Amerikani fir-reġjun interċettaw uħud mill-missili sparati mill-Iran

L-attakk bil-missili fuq Iżrael min-naħa tal-Iran qanqal reazzjoni immedjata min-naħa tal-qawwiet tal-Istati Uniti li għandhom il-bastimenti u l-ajruplani tal-gwerra stazzjonati fir-reġjun biex jiddefendu lill-Iżraeljani kontra kwalunkwe pajjiż ostili.

Mifhum li waqt li l-missili tal-Iranjani kienu għaddejjin minfuq l-ibliet ta’ Tel Aviv u Ġerusalemm, kien hemm talanqas tlett destroyers tan-Navy Amerikan fuq standby ‘u fl-azzjoni’ fil-Baħar Mediterran…Dan minbarra aircraft carrier fil-Golf ta’ Oman u diversi fighter jets fid-diversi bnadi tal-Lvant Nofsani.

Il-bastimenti u l-ajruplani kollha għandhom il-kapaċitajiet biex iwaqqgħu l-missili sparati lejn Iżrael – bl-Iżraeljani, min-naħa tagħhom, jiddependu fuq sistema ta’ difiża infallibbli magħrufa bħala Iron Dome li eliminat il-maġġoranza tal-missili tal-Iranjani.

L-Istati Uniti għamlitha ċara li mhix se żżomm lura milli tiddefendi lill-Iżraeljani mill-attakki tal-Iran fundamentalista li ilu s-snin jesiġi għall-qerda ta’ Iżrael.

Fil-fatt, ftit tal-minuti ilu, kien hemm konferma li l-qawwiet Amerikani kienujinterċettaw diversi missili tal-Iran bħala parti minn sistema ta’ difiża konġunta mal-Iżraeljani.

L-isparatura twettqet mill-membri tal-Gwardja Rivoluzzjonarja, il-korp militari elit tal-Iran, li kien ilu jgħid li se jivvendika ruħu ma’ Iżrael dwar il-qtil riċenti tal-Mexxej Suprem tal-Ħeżbollah, Hassan Nasrallah u l-assassinar, f’Lulju, tal-Kap tal-Ħamas, Ismail Haniyeh.

Intant, qed jidher, issa, li waqaf l-isparar tal-missili min-naħa tal-Iran — bl-awtoritajiet Iżraeljani jinfurmaw lill-poplu li jista’ joħroġ mix-xelters. Dan waqt li reġa’ infetaħ l-ispazju tal-ajru fuq Iżrael.