Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru għalqu l-applikazzjonijiet għall-ħames edizzjoni ta’ ‘Mużika Mużika’ organizzata minn Festivals Malta. Għal darb’oħra, kien hemm rispons tajjeb ferm b’diversi sottomissjonijiet minn kompożituri, kantanti, u bands lokali b’kanzunetti ta’ diversi ġeneri mużikali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, qal: “Bħal kull sena, ‘Mużika Mużika’ reġa’ rċieva rispons pożittiv ħafna mill-artisti lokali, b’numru sabiħ ta’ sottomissjonijiet. Dan juri biċ-ċar li ‘Mużika Mużika’ stabbilixxa ruħu bħala festival ewlieni fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna mhux biss mal-udjenzi tagħna, iżda wkoll mal-artisti, mal-kompożituri u l-awturi li fl-aħħar mill-aħħar dan il-festival ma jkunx possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni tagħhom. Nirringrazzja lil kull min issottometta l-applikazzjoni tiegħu.”
Il-proċess issa jitkompla mill-Bord ta’ ‘Mużika Mużika’ flimkien mat-tim ta’ Festivals Malta permezz tal-fażi li jmiss li tikkonsisti f’sessjonijiet ta’ evalwazzjoni minn ġurija esperta fejn ikunu magħżula l-aħjar 30 kanzunetta minn dawk sottomessi. Minn hemm il-kanzunetti magħżula jiġu interpretati live, akkumpanjati minn backing track, quddiem ġurija differenti minn dik ta’ qabel. Din is-sena se jintagħżlu 16-il kanzunetta semifinalista li mbagħad jikkompetu fil-festival f’Marzu tas-sena d-dieħla. B’differenza mill-edizzjonijiet passati, din is-sena l-ewwel serata tal-Ħamis 27 ta’ Marzu mhux se tkun waħda eliminatorja sabiex il-kantanti parteċipi jgawdu aktar dan il-festival.
Festivals Malta u l-Bord ta’ ‘Mużika Mużika’ jixtiequ jirringrazzjaw lill-artisti kollha li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom u tixtiqilhom suċċess.
Is-semifinalisti ta’ ‘Mużika Mużika’ jiġu mħabbra wara l-live auditions li ser isiru fix-xahar ta’ Ottubru. Dawn ser jiġu mħabbra permezz ta’ stqarrija separata. ‘Mużika Mużika’ 2025 ser isir bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla. Għal aktar informazzjoni fuq il-festival żur is-sit www.muzikamuzika.mt.
//= $special ?>