Appell għall-bini ġdid tal-Qorti ta’ Għawdex bi kliem iebes fil-konfront tal-kritika tal-ħlasijiet tal-esperti.
Huwa importanti li l-ġudikatura u l-maġistratura jaqdu d-dmirijiet tagħhom mingħajr tfixkil. Kull min għandu pożizzjoni pubblika għandu obbligu li jwieżen kliemu u għemilu biex ma jinstigax imġiba mhux xierqa fil-konfront tal-ġudikatura.
Sostna dan il-Prim Imħallef Mark Chetcuti f’Awla 22 fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi quddiem il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Prim Ministru Robert Abela – li f’dawn l-aħħar xhur attakka kontinwament, fost l-oħrajn, lil membri tal-ġudikatura.
Il-Prim Imħallef saħaq li l-Awtoritajiet Pubbliċi għandhom jirrispettaw lill-uffiċjali tal-Qorti bil-għan li xogħlhom u dmirijiethom ma jiġux imxekkla, sfidati jew saħansitra injorati.
Il-Prim Imħallef tkellem fost l-oħrajn dwar ir-reati ekonomiċi – każijiet li jeħtieġu diversi esperti.
Hawn, huwa insista li kawżi ta’ ċerta popolarità pubblika jkun ferm diffiċli li ssib esperti Maltin li jridu jagħtu s-sehem tagħhom fihom. Dan għaliex jibżgħu li jkollhom reklam ħażin – minħabba li Malta żgħira u kulħadd magħruf.
Għalhekk, ikollok iddur għal barranin – u hawn insista li ma hemm ebda capping ta’ ħlas għalihom.
Stqarr ukoll li l-kritika li saret għal ħlasijiet li saru lill-esperti, kritika xprunata mill-Gvern Laburista fil-każ tal-inkjesta b’rabta mal-Vitals, kienet waħda inġusta.
Dan hekk kif saħaq li l-ispiża ma ssirx b’kapriċċ, iżda b’ħidma favur il-verità u l-ġustizzja.
Intant, Mark Chetcuti saħaq dwar il-bżonn ta’ bini ġdid ta’ Qorti f’Għawdex, wegħda li s’issa għadha mhux imwettqa – filwaqt li insista li hemm nuqqas kbir bejn ir-reġistru ta’ Malta u dak ta’ Għawdex u li għalhekk jeħtieġ aktar impjegati fil-Qorti ta’ Għawdex imsaħħa b’dixxiplina u ħeġġa.
Il-Prim Imħallef kompla jisħaq dwar il-kriżi ta’ spazju li hemm fil-Qorti – hawn saħaq li preżentament hemm madwar 1,700 inkjesta pendenti – u fakkar li suppost il-maġistrati inkwirenti kellu jkollhom binja għalihom iżda dan għadu ma seħħx.
Qal ukoll li filwaqt li l-ġudikanti qed jiżdiedu, l-ispazju fil-binja tal-Qorti hu li hu, u għalhekk sejjaħ biex is-soluzzjoni tinstab ‘il barra mill-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta.
Huwa stqarr li jinsab imħasseb ħafna bin-nuqqas kbir ta’ staff, skrivani, marixxali, traskritturi full-time fost oħrajn – nuqqas li jista’ jsarraf f’inġustizzji kbar.
Intant, aktar qabel tkellem il-President tal-Kamra tal-Avukati Peter Fenech fejn sostna li s-sena li għaddiet ma kinitx waħda faċli u li lkoll kellhom ixammru l-kmiem – huwa saħaq li jinqatgħu kemm jinqatgħu kawżi, donnhom aktar qed jidħlu.
Fenech insista li l-Kamra tal-Avukat,i konxja tal-pressjoni fuq il-Maġistrati, b’żieda fil-popolazzjoni u barranin li ċertament qed jissarfu fi pressjoni fuq il-Qrati.
Hu saħaq li l-Maġistrati Inkwirenti ma jistgħux jaħdmu sew bir-riżorsi li għandhom u li l-problemi jridu jiġu indirizzati ħolistikament mhux permezz ta’ management by crisis.
L-avukat Fenech fakkar lil dawk kollha li jaħdmu fil-binja tal-Qorti sabiex il-ħidma tagħhom josservawha skont il-ġurament li ħadu… u insista li d-dixxiplina tbeżża’ biss lil min ma jridx jerfa’ responsabbiltà.
Finalment, huwa staqsa jekk wasalx iż-żmien li jsir tibdil fil-kors tal-liġi – jekk hemmx bżonn li jaraw li jogħlew il-kwalifiċi tal-kors biex wieħed isegwih – u fuq kollox jekk il-gradwanti hux qed jimlew postijiet fejn verament hemm bżonn.
//= $special ?>