Lokali

L-IĠM dispjaċut bid-deċiżjoni li ma jitħallewx fotografi għad-diskors tal-Prim Imħallef

L-IĠM jinnota b’dispjaċir li għas-seduta speċjali li nżammet illum fil-Qorti biex timmarka l-bidu tas-Sena Forensi, ma jitħallewx jidħlu l-fotografi u l-camerapersons impjegati mal-midja. Tħallew jidħlu biss il-fotografi tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-fotografu tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-fotografu tal-Uffiċċju tal-President.

Wara li talab spjegazzjoni mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għal dan l-aġir, l-IĠM kien infurmat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Prim Imħallef. L-IĠM ma ngħata l-ebda raġuni għal din id-deċiżjoni.
L-IĠM iħoss li dan l-aġir imur kontra l-ispirtu tal-Kostituzzjoni li tipproteġi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Wara kollox, il-maġistrati u l-imħallfin mhumiex xi setta sigrieta u qatt m’għandhom iġibu ruħhom daqlikieku huma.

Filwaqt li l-IĠM jifhem ċertu tħassib li jista’ jitqanqal meta l-uċuħ tal-ġudikatura jixxandru fil-mezzi tax-xandir, dan qatt m’għandu jwassal biex l-istess ġudikatura taħdem b’mod mistur. Wara kollox, is-sistema ġudizzjarja tagħna hi waħda pubblika u hekk għandha tibqa’.

Fil-passat, it-tradizzjoni dejjem kienet li l-fotografi u l-camerapersons jitħallew jidħlu u jieħdu r-ritratti u l-filmati ta’ din l-okkażjoni unika mmarkata mid-diskors tal-Prim Imħallef. Sfortunatament, il-Prim Imħallef, din is-sena, għażel li jreġġa’ l-arloġġ lura.