Internazzjonali

L-Iran: Jispara mijiet ta’ missili lejn Iżrael

L-Iran spara mijiet missili lejn Iżrael wara li l-Iżraeljani kienu qed iħejju diġà għal attakk imminenti.

Dan sar fost rapporti li l-Iranjani jed jużaw il-missili ballistiċi lejn l-ibliet ta’ Iżrael – bl-Iżraeljani joħorġu l-allerti għall-poplu li qed ifittex ix-xelters fost id-daqq tas-sireni.

Hu mifhum li s-sistemi tad-difiża ta’ Iżrael interċettaw xi missili propju meta hemm ukoll stennija għal aktar sparaturi ta’ missili lejn Iżrael min-naħa tal-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu.

Mhux magħruf jekk l-attakk mill-Iran jistax ikun kbir daqs l-attakk tat-13 ta’ April; dak iż-żmien, l-Iranjani kienu sparaw burraxka ta’ missili lejn it-territorji tal-Iżraeljani u li 99 fil-mija minnhom kienu interċettati minn Iżrael, il-qawwiet alleati tal-Istati Uniti u r-Renju Unit f’dik il-parti tal-Lvant Nofsani.

Fl-istess ħin, l-Iran ilu jgħid li jinsab lest għall-attakki fuq Iżrael  mindu l-Kap Ewlieni tal-Ħeżbollah, Hassan Nasrallah, inqatel mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani li kienu attakkaw il-kumpless tiegħu f’Bejrut bil-bombi tat-tip ‘bunker busting’. L-Iranjani anki jridu jpattuha lil Iżrael għall-assassinar  tal-Kap tal-Ħamas Ismail Haniyeh li kien seħħ jiem ilu f’Tehran

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, esprima l-inkwiet kbir tiegħu għall-eskalazzjoni tal-konflitt fil-Libanu u fejn appella għal waqfien mill-ġlied immedjat. Guterres wissa wkoll li l-partijiet ikkonċernati fil-konflitt iridu jżommu lura minn gwerra totali u mifruxa fil-Libanu li għandha tħalli r-riperkussjonijiet anki għal-Lvant Nofsani u l-kumplament tad-dinja.

Dwar din is-sitwazzjoni tkellem ukoll s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken li qal li l-Istati Uniti qed issegwi kontinwament l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani. Dan waqt li hu enfasizza li l-Amerikani kienu, għadhom u se jibqgħu impenjati għad-difiża ta’ Iżrael.