“Irrid niftaħ il-bibien taż-żgħażagħ Maltin fl-Ewropa. B’dan il-programm ta’ Study Visits, fejn 50 student ser jiġu jieħdu esperjenza diretta tal-Parlament Ewropew, qed inżomm mal-wegħda li għamilt li nżidu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin fl-Ewropa”. Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius qal dan waqt li nieda l-ewwel programm tax-xorta tiegħu minn Membru Parlament Ewropew Malti, f’Dar l-Ewropa, fil-Belt Valletta.
Peter Agius kien akkumpanjat minn Mario Thomas Vassallo u Anne Marie Thake mid-Dipartiment tal-Istudji Politiċi u l-Governanza fl-Universita’ ta’ Malta li laqgħu l-inizjattiva tal-programm ta’ Study Visits fil-Parlament Ewropew bħala mod kif it-tagħlim fil-livell akkademiku jissaħħaħ b’esperjenzi prattiċi.
Peter Agius qal li bil-programm ta’ Study Visits kull sena, madwar 15-il student fil-livell terzjarju ser jibbenefikaw minn żjarat sa tliet ġimgħat fl-uffiċċju tiegħu fi Brussel li matulhom jiksbu esperjenza tax-xogħol politiku u amministrattiv filwaqt li jkollhom aċċess għall-Parlament Ewropew u r-riżorsi varji tiegħu partikolarment fir-riċerka.
Din l-opportunità hija mmirata l-iktar għal studenti li fl-istudji tagħhom jew fil-karriera li jkollom ħsieb jaqbdu, ikun hemm element Ewropew u b’hekk jistgħu jiksbu esperjenza konkreta ta’ kif titħaddem id-demokrazija Ewropea fil-Parlament Ewropew. Iż-żjarat se jkunu minimu ta’ ġimgħa sa tliet ġimgħat.
Se tingħata għotja ta’ €700 li tkopri l-ivvjaġġar u akkomodazzjoni bażika. Wara proċess tal-għażla, l-applikanti jieħdu ħsieb l-arranġamenti loġistiċi skont id-dati taż-żjara tagħhom. L-Uffiċċju tal-MEP Agius se jipprovdi għajnuna fejn wieħed jista’ jsib akkomodazzjoni għal żmien qasir.
Il-proċess ta’ applikazzjoni huwa faċli. Id-dettalji kollha jinsabu fuq https://peteragius.eu/study-visits/. L-applikanti qed jintalbu biex jinkludu kitba qasira dwar l-esperjenza fil-Parlament Ewropew ma’ Peter Agius u li tista’ tgħinhom kemm bħala studenti u kemm fil-karriera prospettiva tagħhom. Peter Agius qal li se jkun hemm bord tal-għażla li se jagħżel l-istudenti skont in-numru ta’ applikazzjonijiet.
Agius qal li huwa kburi li fl-ewwel mitt jum tal-mandat tiegħu fi Brussell, se jkun jista’ jgħin żgħażagħ Maltin u Għawdxin jiksbu ħiliet u esperjenzi ġodda li jservuhom tul il-ħajja.
‘L-Ewropa tista’ tkun spazju ta’ opportunitajiet kbar għall-Maltin u l-Għawdxin f’diversi setturi tas-soċjetà. Bħala MEP elett minn Malta, ser nara li nressaq dawn l-opportunitajiet dejjem eqreb lejn il-Maltin u l-Għawdxin. Dan il-programm ta’ Study Visits huwa parti minn dan il-proċess. Ser nagħmel ħilti biex niftħu opportunitajiet oħra fil-ġejjieni.’ għalaq Peter Agius.
//= $special ?>