Internazzjonali

L-Ukrajna: Xerrejja massakrati waqt attakk bil-missili fuq suq

L-awtoritajiet Ukreni kkonfermaw li mietu tal-anqas għaxar ċivili waqt attakk bl-artillerija fuq suq iffullat bin-nies fil-belt ta’ Kerson. Fl-attakk indarbu numru mhux determinat ta’ nies, bil-Gvern fi Kiev jikkundanna ‘l-gwerra sfaċċata li r-Russja qed tippersisti biha kontra l-familji Ukreni’.

Il-Gvernatur reġjonali, Oleksandr Prokudin, qal li l-balal tar-Russi niżlu direttament għal fuq ix-xerrejja fis-suq li jinsab fiċ-ċentru ta’ Kherson. Dan waqt li l-filmati li bdew jiċċirkulaw urew il-katavri taċ-ċivili viċin bottegin tal-ħaxix li nqered kompletament fil-bumbardament.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ukoll iċċirkula l-filmati ta’ din l-atroċità waqt li insista li l-Alleati fil-Punent kapaċi jwaqqfu dawn il-bumbardamenti tar-Russja bi strateġija ħafna aktar aggressiva fir-rigward tal-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Dan waqt li Zelensky għadu qed jappella biex il-Punent jagħti permess lill-Ukreni biex jużaw l-armamenti għal fuq id-distanzi kbar (provduti lilhom mingħand l-Alleati) għall-attakki fuq il-faċilitajiet militari aktar ‘il ġewwa fir-Russja.

Zelensky tenna li l-Ukrajna akkost ta’ kollox qed tipprova twassal għall-paċi u biex dan iseħħ, ir-rieda tal-poplu u l-appoġġ assolut tal-Alleati jridu jissuperaw il-politika tar-Russja biex iżżid it-terrur fost l-Ukreni.