Internazzjonali

Marine Le Pen: Tiddefendi ruħha kontra akkużi ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-UE

Marine Le Pen

Marine Le Pen, il-mexxejja veterana tal-Partit estremista tal-lemin bl-isem Rally Nazzjonali, bdiet għaddejja ġuri f’Pariġi fejn qed twieġeb għall-akkużi dwar il-misapproprjazzjoni tal-fondi provduti lill-partit tagħha mill-Parlament Ewropew.

Aktar minn 20 uffiċjali oħra ta’ dan il-partit Franċiż qed jiffaċċjaw l-istess akkużi. Dawn qed ikunu akkużati li qabbdu l-assistenti biex jaħdmu fuq l-affarijiet speċifikament marbuta mal-partit tagħhom aktar milli għall-Parlament Ewropej li qed jiffinanzjalhom is-salarji.

Marine Le Pen dejjem kellha l-ambizzjoni li tilħaq President ta’ Franza u fil-passat ikkuntestat, mingħajr suċċess, għat-tmexxija ta’ pajjiżha.

F’każ li hi tinsab ħatja, kapaċi teħel multa kbira u anki priġunerija fiċ-ċirkustanzi. Hemm ukoll il-possibbiltà li f’każ ta’ verdett ta’ ħtija, Le Pen tkun iddikjarata ineliġibbli biex tikkuntesta għal kariga pubblika f’pajjiżha għal għaxar snin sħaħ – u b’detrminent kbir u inevitabbli għall-ambizzjonjiet Presidenzjali tagħha.

Marine Le Pen, intant, qed tkompli tiċħad għall-akkużi miġjuba kontra tagħha waqt li Laurent Jacobelli, bħala kelliem għall-Partit Rally Nazzjonali, qal li l-entità politika li hu jifforma parti minnha għandha, ‘il quddiem, tippreżenta l-provi li ma teżisti l-ebda sistema li biha xi ħadd jista’ jiffroda l-fondi lill-Unjoni Ewropea.

Dan waqt li Le Pen qed tirrepeti l-istqarrija li hi u l-assoċjati tagħha fil-partit ma abbużaw l-ebda regoli politiċi.