L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tassisti lis-Sorijiet Dumnikani fir-rilokazzjoni tar-residenti u l-impjegati tad-dar residenzjali għall-anzjani ‘Apap Institute’, f’Santa Venera, wara li l-Ordni Dumnikan ħadet id-deċiżjoni li tagħlaq id-dar sal-aħħar tas-sena.
Is-Sorijiet Dumnikani ħadu din id-deċiżjoni diffiċli li ma jibqgħux imexxu d-dar — li tospita 30 resident anzjan — minħabba n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet reliġjużi u l-investiment sostanzjali meħtieġ sabiex jiġi rranġat il-bini li għandu 80 sena.
L-Arċidjoċesi se tkun qed tgħin fir-rilokazzjoni tar-residenti, li jibbenefikaw minn rata sussidjata ħafna, fi djar immexxija mill-Knisja u mill-Istat, kif ukoll qed tgħin fit-tiftix ta’ impjieg alternattiv għad-disa’ membri tal-istaff full-time u erba’ part-time.
L-Arċidjoċesi se tilqa’ kemm jista’ jkun residenti u impjegati fl-istrutturi tagħha stess u diġà qiegħda f’kuntatt mal-gvern dwar alternattivi għal dawk li ma jistgħux jiġu milqugħa. Apap Institute, li jagħmel parti mill-Kunvent tas-Sorijiet Dumnikani f’Santa Venera, infetaħ bħala dar għall-anzjani wara t-Tieni Gwerra Dinjija, bħala parti mill-missjoni tas-Sorijiet Dumnikani li jieħdu ħsieb it-tfal, l-anzjani u l-morda.
Id-Direttur tad-Djar tal-Anzjani tal-Knisja, Andrè Vassallo Grant, qal: “Għalkemm Apap Institute huwa proprjetà tal-Arċidjoċesi, l-amministrazzjoni tad-dar u l-kura ta’ kuljum tar-residenti dejjem kienu pprovduti mis-Sorijiet Dumnikani.
“Ir-realtà kiefra hi li s-Sorijiet ma jistgħux jibqgħu joffru dan is-servizz, u bħala Knisja wegħedna l-appoġġ sħiħ tagħna lill-Madre Provinċjali biex insibu soluzzjonijiet għall-persuni affettwati.”
//= $special ?>