Lokali

“Il-Gvern ikompli jkaxkar saqajh anke fis-saħħa u s-sigurtà”- PN

Wara kważi sentejn mill-mewta traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, seba’ xhur minn meta ġiet ippublikata l-Inkjesta dwar din it-traġedja li l-Gvern għamel kontra qalbu u tliet xhur mindu l-Liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol għaddiet mill-Parlament, il-Gvern għadu jkaxkar saqajh biex iwettaq il-ħafna regolamenti li għadhom neqsin minn din il-liġi, fosthom ir-reviżjoni tar-regolamenti eżistenti relatati mal-bini u l-kostruzzjoni.  Fil-fatt din il-liġi għadha lanqas biss daħlet fis-seħħ.

Dan intqal fi stqarrija iffirmata mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit flimkien max-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo.

Kien biss f’dawn il-ġranet li l-Gvern, wara li għadda l-liġi bla konsultazzjoni, b’nofs sajran u bl-għaġla, sempliċiment għal raġunijiet partiġġjani biex jidher li sar xi ħaġa, li l-Ministru ħass il-bżonn li jagħmel sessjoni ta’ informazzjoni għal min il-Ministru ddeċieda li jistieden.  In-nuqqas ta’ kwalità f’din il-liġi kien evidenti mill-mistoqsijiet li saru waqt din is-sessjoni u, aktar minn hekk, min-nuqqas ta’ risposti ċari, fosthom dwar il-Health and Safety Reporting Officer.

Kif iddikjarat l-Inkjesta Sofia, il-Gvern Laburista għadu qed iħalli għaddejjin sistemi li jagħtu spazju għall-abbuż. Dan it-titubar min-naħa tal-Gvern qed ikompli jikkonsolida l-kultura tax-xejn mhu xejn, ta’ kollox jgħaddi u ta’ “x’jimpurtani għax ma jolqotx lili”.  Hu sintomu komuni tal-Gvern, indipendentement mill-Ministru responsabli, li quddiem “il-fallimenti sistemiċi, in-nuqqasijiet regolatorji” u d-dgħjufijiet fis-sistemi spezzati u sparpaljati, il-Gvern joħroġ biss “knee-jerk reactions” u miżuri “half-measure” u “mhux bizzejjed”.

Il-Partit Nazzjonalista, li jieħu s-saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol b’serjetà kbira anke mill-Opożizzjoni, ta l-kontribut kollu biex din il-liġi tkun l-aħjar possibbli fil-limitazzjonijiet li bih ġiet ippreżentata mill-Gvern.

Waqt id-djalogu kontinwu li l-Partit Nazzjonalista għandu mal-istakeholders, il-professjonisti u l-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni qed ikompli jifhem l-għatx li din l-industrija għandha għal regolamentazzjoni ċara, ġusta u ferma, kif ukoll għal pjan ta’ riforma olistika, inkluż fis-sistema edukattiva, li jwasslu għal titjib fl-attitudni, għal aktar ħiliet, għall-kwalità, għas-serjetà u għas-serħan tal-moħħ ta’ kull min hu involut u tat-terzi.

Waqt li se jkompli jippersisti u jassigura li jsir dak li fadal xi jsir, u jfakkar lill-Gvern li din il-liġi waħedha mhi xejn jekk l-Awtorità ma jkollhiex ir-riżorsi kollha meħtieġa ta’ infurzar u jekk il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà ma jkunux rikonoxxuti bħala tali, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaġġorna l-pjan olistiku tiegħu, ibbażat fuq konsultazzjoni ta’ vera, biex dan is-settur ikun sigur kemm għal min jaħdem fih kif ukoll għal min jgħix maġenbu.