Lokali

Il-Gvern jimbotta proposta li l-PN kien ressaq 10 snin ilu u li l-Labour stess kien irrifjuta

Kull min jitressaq bi vjolenza fuq il-Pulizija se jinżamm arrestat – iżda jista’ jingħata probation.

Emenda fil-liġi li lura fl-2014 kienet tressqet mill-eks Deputat Jason Azzopardi quddiem il-Kumitat Permanenti għal Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġi….għaxar enin ilu kienet ġiet rifjutata b’saħħa mill-Membri tal-Gvern. Iżda illum, il-Ministru Byron Camilleri ħabbar li se jressaqha – 10 snin tard.

Kien f’Marzu tal-2014 meta il-Ministru Owen Bonnici flimkien ma’ Chris Fearne u l-eks Deputat Laburista Deborah Schembri ma kienux qablu mal-emendi proposti mill-Partit Nazzjonalista li jobbligaw lill-ġudikatura ma tagħtix sentenza sospiża u/jew libertà kundizzjonata għal min iwettaq vjolenza fuq Pulizija jew uffiċjali pubbliċi oħrajn – inkluż għalliema jew tobba.

Iżda t-Tlieta filgħodu, il-Ministru Byron Camilleri ħabbar din l-emenda b’mod reattiv għal kollox wara li żewġ uffiċjali tal-Pulizija ftit tal-jiem ilu kienu vittma ta’ aggressjoni minn numru ta’ persuni fil-Ħamrun.

Mistoqsi minn Net News għalfejn il-Gvern dejjem irid ikun reattiv u għalfejn 10 snin ilu ma qabilx mal-istess emenda – Camilleri stqarr sempliċiment li hu ma kienx jagħmel parti mill-Gvern ta’ dak iż-żmien, u li skont hu l-inċidenti naqsu.

Bħal ma kien ukoll propost fl-emenda mressqa u rifjutata fl-2014 …. l-emenda preżenti tinkludi wkoll żieda kemm fil-pieni kif ukoll fil-multi – bl-ogħla akkużi jwasslu sa massimu ta’ 7 snin priġunerija u €25,000 multa.

Mistoqsi għal darb’oħra għalfejn kellhom iweġġgħu l-Pulizija biex din l-emenda proposta mill-Partit Nazzjonalista l-Gvern tal-Labour jaqbel magħha Byron Camilleri qal li għandu rispett lejn Owen Bonnici li saħħaħ il-liġijiet tal-pajjiż.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet ħareġ biċ-ċar kemm il-Labour ma kellux viżjoni fit-tul; għad-differenza ta’ Partit Nazzjonalista li 10 snin ilu propona din l-emenda fil-liġi biex jissalvagwardja saħħet l-uffiċjali pubbliċi…u kellu jkun biss inċident fejn żewġ uffiċjali tal-Pulizija spiċċaw aggrediti gravement biex il-Gvern kellu jinduna bl-iżball li għamel.

Intant ġie kkjarifikat li l-Imħallfin u l-Maġistrati xorta waħda se jkunu jistgħu jagħtu sentenzi ta’ probation lil dawk li jinstabu ħatja.

Dan xorta waħda jmur kontra l-emenda fil-liġi proposta mill-Partit Nazzjonalista għaxar snin ilu li kienet teskludi l-applikabilità b’mod sħiħ ta’ kapitlu 446 ċioè il-liġi tal-probation.