Lokali

“Il-Gvern Laburista issa jrid jgħolli l-pieni f’każi ta’ offiżi fuq il-forzi tal-ordni, għaxar snin ilu kien kontra”- PN

Pajjiżna għandu bżonn gvern b’viżjoni, li jippjana, u mhux jirreaġixxi

Illum il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ħabbar l-emendi li se jressaq il-Gvern Laburista biex jgħolli l-pieni għal kull min jagħmel offiża fuq l-uffiċjali tal-forzi tal-ordni.

Il-Partit Nazzjonalista diġà għamilha ċara pubblikament li hu favur dan il-pass, kif kien għaxar snin ilu meta tressaq abbozz mill-Partit Nazzjonalista stess fil-Parlament sabiex jgħolli l-pieni minimi f’każijiet bħal dawn – u l-Gvern Laburista argumenta kontra sabiex iħalli l-possibbiltà ta’ pieni inqas permezz ta’ probation u sentenzi sospiżi, u mhux sentenza ta’ ħabs.

Dan inqtal fi stqarrija ffirmat mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li hu favur li jkun hemm protezzjoni bil-liġi billi togħla l-piena għal kull min jagħmel offiża fuq uffiċjali tal-forzi tal-ordni – iżda mhux biss. Għandna nassiguraw li jiżdiedu r-riżorsi, kif ukoll in-numri fil-Korp tal-Pulizija sabiex naraw li l-isfidi preżenti jitjiebu. Dan filwaqt illi ntejbu l-kundizzjonijiet sabiex ninvestu fil-membri tal-Korp, filwaqt li tibda kampanja ta’ reklutaġġ mal-Korp. Dawn huma nuqqasijiet preżenti li ħalla l-Ministru Byron Camilleri.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li fil-pajjiż jerġa’ jidħol sens ta’ ċertezza ta’ konsegwenza f’każ li wieħed jikser il-liġi. Sfortunatament il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ħalla klima ta’ xejn mhu xejn fuq ċerti persuni.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll illi dawn l-emendi – minħabba l-fatt li l-Gvern Laburista ma aċċettax il-proposta tal-Partit Nazzjonalista ta’ għaxar snin ilu – mhux se japplikaw għall-każijiet li hemm pendenti bħalissa quddiem il-Qrati minħabba l-prinċipju tar-retrospettività li tapplika l-piena inqas favur il-persuna imputata. L-abbozz fuq imsemmi tressaq mill-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Private Members Bill lura fl-2013 mill-Avukat Jason Azzopardi, fejn il-Gvern Laburista – li wħud mill-membri tiegħu dakinhar għadhom l-istess deputati fil-Gvern illum – kien għamel argumenti bil-kontra ta’ dak li qalu llum.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun pro-attiv u jieħu deċiżjonijiet fit-tul għall-ġid tal-uffiċjali tal-forzi tal-ordni, kif ukoll għall-ġid tas-soċjetà Maltija kollha kemm hi.

Hemm bżonn Gvern li jippjana, u mhux jirreaġixxi.