Flok Gvern li jgħin lill-ħaddiem għandna Gvern li qed jhedded; ansjetà żejda fost l-edukaturi u l-istudenti tal-MCAST li tħallew fil-limbu għal kważi tliet snin
La l-edukaturi u lanqas l-istudenti m’għandhom ibatu stress u ansjetà żejda minħabba Gvern li qed jagħti bis-sieq lill-edukazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista quddiem l-Istitut Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri, ix-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali Ivan Castillo u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello kkritikaw il-mod kif il-Gvern ħalla lill-edukaturi ta’ dan il-Kulleġġ fil-limbu dwar il-ftehim kollettiv għal kważi tliet snin.
Id-diżinteress totali tal-Gvern ħoloq atmosfera ta’ tensjoni f’istituzzjoni importanti ferm għal pajjiżna li toffri l-edukazzjoni lil madwar 12,000 student u li hija l-post tax-xogħol għal kważi elf persuna impjegati f’diversi livelli. Dawn l-istudenti u l-impjegati ilhom is-snin issa jbatu l-konsegwenzi ta’ direttivi li daħlu fis-seħħ għax il-Gvern ġie jaqa’ u jqum minnhom.
Hu d-dmir tal-Gvern, u tal-Gvern f’kull każ, li jara li jasal għal ftehim mal-Malta Union of Teachers (MUT) illum qabel għada sabiex ikunu mħarsa l-kundizzjonijiet tal-edukaturi u l-impjegati kollha u sabiex ikun garantit li l-istudenti jieħdu dak li hu dritt tagħhom, jiġifieri edukazzjoni mingħajr xkiel.
It-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern Laburista fejn jidħol il-ftehim kollettiv tal-MCAST jikxef kemm dan il-Gvern hu insensittiv għall-bżonnijiet tal-ħaddiema.
Minflok investa fil-ħaddiema, il-Gvern Laburista rema flus il-poplu f’kuntratti korrotti u rackets skandalużi.
Għandna Gvern li abbanduna l-mejda tad-diskussjoni, Gvern li ma jfittixx soluzzjonijiet kollettivi u Gvern li hedded lill-unions u l-membri tagħhom bil-Qorti. Gvern li jkun wasal sa hawn hu gvern li qed jammetti li ma jemminx fid-djalogu soċjali.
Minbarra dan, għandna Gvern li qed jilgħab bil-preżent u l-futur tal-istudenti, li diġà għandhom biżżejjed stress. Minflok qed jagħmel minn kollox biex jinċentiva lill-istudenti, dan il-Gvern qe jagħmlilhom il-bsaten fir-roti u jfixkilhom mill-istudju, bir-riskju li jitilfu anke impjiegi li kienu sabu għal meta jiggradwaw.
Il-kelliema, filwaqt li sellmu lil James Calleja li għal nunru ta’ snin kien Prinċipal fl-MCAST, awguraw l-ħidma t-tajba lil Stephen Vella li issa qed imexxi dan il-Kulleġġ, u taw garanzija li Gvern Nazzjonalista, li dejjem ta priorità lill-edukazzjoni, jalloka fondi sabiex jiġu indirizzati fi żmien qasir nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Bħalma dejjem għamel, jara li xejn u ħadd ma jfixkel la lill-edukatur u lanqas lill-istudent.
B’differenza minn dan il-Gvern, jiżgura li flus il-poplu jintużaw b’mod għaqli u ġust, biex l-edukatur jerġa’ għal darba oħra jingħata d-dinjità li tixraqlu, u l-istudent jerġa’ jsib is-serħan il-moħħ li tant ikun jinħtieġlu waqt il-vjaġġ tal-istudju tiegħu.
//= $special ?>