Preżentament fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tat-Trabi fi ħdan l-Isptar Mater Dei hemm kriżi – konfermata wkoll mill-Ministru Jo Etienne Abela innifsu. Dan hekk kif għal dawn l-aħħar erbat ijiem trabi prematuri li jitwieldu qabel iż-żmien mhux qed jingħataw t-TPN; nutrijent fundamentali li jingħata minflok in-nutrijenti li suppost t-trabi jieħdu f’ġuf l-omm.
Impjegati fl-Isptar Mater Dei ilhom jiem li tkellmu ma’ Net News u saħqu li f’din it-taqsima fejn preżentament hemm madwar 35 tarbija, it-TPN jinsab out of stock – bl-istaff saħansitra jħeġġeġ lill-ġenituri jressqu l-ilmenti tagħhom mal-customer care biex joħolqu aktar pressjoni sabiex din il-kriżi tissolva.
L-infermieri u t-tobba li tkellmu ma’ Net News spjegaw li ilhom jisħqu fuq din il-problema ġimgħat sħaħ, iwissuhom li kienu se jinqabdu mingħajr it-TPN.
Huwa mifhum li biex jillapazzaw fis-sala, inġieb drip li huwa magħmul minn salts u nutrijenti biex jiprovaw jagħmlu tajjeb minflok it-TPN.
Intant, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela tkellem fuq Facebook fejn irreaġixxa għal rimarki li għadda x-Shadow Minister Adrian Delia…fejn saħaq li hu kien mgħarraf fit-30 ta’ Settembru li t-TPN kien wasal biex jiskadi, ċioè meta dan effettivament kien skada.
Madanakollu dan ma huwa minnu xejn – hekk kif saħansitra Net News stess kien staqsa lil Abela dwar l-iskarsezza tat-TPN tul ix-xahar ta’ Awwissu….bil-Ministru dan iż-żmien qalilna li ma kien hemm ebda problema.
Minflok, issa l-Ministru qiegħed jixħet ir-responsabbiltà kollha fuq il-kuntrattur u distributur – u sostna li dawn għamlu ordnijiet żbaljati li wasslu biex din is-sustanza skarsat. U filwaqt li ikkonferma li hemm urġenza kbira – s’issa għadu ma wieġeb ebda domanda li saritlu permezz ta’ e-mail minn Net News it-Tlieta filgħodu.
Fost oħrajn staqsejna jekk hux minnu li t-tobba u infermieri ilhom ġimgħat sħaħ iwissu dwar il-kwistjoni tat-TPN, jekk hux veru li tarbija prematura ma tistax toqghod aktar minn tlett ijiem mingħajr dawn in-nutrijenti, staqsejna liem ingredjent bi preċiż jinsab out of stock, kemm fadal biex kollox jiġi għan-normalità….u staqsejna dwar aktar mediċini out of stock – fost oħrajn dawk għall-kundizzjoni tal-Parkinson’s. Madanakollu s’issa għadna mingħajr risposti.
//= $special ?>