L-Imħallef Giovanni Grixti f’sentenza li ta ordna lill-kumpanija li tmexxi l-Orkestra Nazzjonali biex tħallas is-somma ta’ €168,431 lill-eks kunduttur tal-orkestra nazzjonali Brian Schembri. Dan jikkonsisti fi ħlasijiet ta’ paga wara li l-kuntratt tal-impjieg tiegħu kien itterminat qabel iż-żmien.
Is-Surmast Schembri fetaħ il-każ fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra n-National Orchestra Limited. Huwa kien impjegat mal-kumpanija fl-2013 fuq kuntratt ta’ tliet snin li kien imġedded fl-2016. Il-kuntratt kien jgħid li jekk jiġi terminat l-Orkestra Nazzjonali kellha tħallsu paga ta’ tliet snin.
Fl-2017 il-kuntratt kien terminat fuq nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet. L-Orkestra Nazzjonali akkużat lis-Surmast Schembri li naqas li jwettaq uħud mill-obbligi tiegħu. Akkużatu wkoll li abbanduna l-impjieg tiegħu qabel kunċert fl-2017 u għalhekk kellha raġun titterminalu l-impjieg.
Madankollu wara li sema’ -partijiet l-Imħallef Grixti qal li l-kumpanija ma rnexxilhiex tipprova dak li allegat. Huwa sostna li minn dak li sema’ s-Surmast Schembri huwa perfezzjonist u dejjem jesiġi riżultati ta’ kwalità mill-mużiċisti.
L-Imħallef Grixti qal li l-kawża mhux dwar jekk il-kumpanija kellhiex raġun titterminalu l-impjieg imma hux intitolat għall-penali kawża tal-istess terminazzjoni tal-kuntratt. Il-Qorti qalet li wara li l-kuntratt oriġinali kien imġedded awtomatikament għal tliet snin oħra, l-orkestra nazzjonali għamlet minn kollox biex tqieghed lis-surmast f’qagħda li ma jkunx jista’ jonora l-obbligi tieghu,
Dawn l-azzjonijiet raw il-qofol tagħhom f’kunċert li l-partijiet jirreferu għalih bħala l-Kunċert tal-Indipendenza, fejn Schembri ra kif jagħmel biex ivarja l-programm biex dan isir akkost tad-difikultajiet minnu riskontrati provenjenti mill-kumpanija li kienet tħaddmu.
Għal dawn ir-raġunijiet l-Imħallef Grixti kkonkluda li s-Surmast Schembri kellu raġun fl-ilmenti tiegħu u ordna lill-kumpanija li tmexxi l-Orkestra Nazzjonali tagħtih €168,431. Huwa qal ukoll li l-kumpanija riedet tibdel il-kuntratt minn wieħed ta’ impjieg għal wieħed ta’ self-employed u tneħħielu l-irwol ta’ direttur artistiku.
//= $special ?>