Lokali

Żewġt ifkieren lura l-baħar wara riabilitazzjoni

Is-Sibt li għadda mmarkat pass importanti fil-konservazzjoni marittima hekk kif Nature Trust – FEE Malta, b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta (BOV), ħelsu żewġt ifkieren tat-tip loggerhead, Atua u EM. Dan seħħ fil-bajja tal-Ġnejna.

L-avveniment, parti mill-isforzi kontinwi ta’ Nature Trust – FEE Malta biex tipproteġi l-ħajja marittima ta’ madwar Malta, serva wkoll biex ifakkar il-Programm Rebbiegħa tal-BOV, programm li jiċċelebra l-Ħamsin Anniversarju tal-Bank.

Atua u EM, li t-tnejn li huma tilfu waħda mill-flippers ta’ quddiem tagħhom wara li nqabdu fi skart tal-baħar, u kienu ilhom taħt il-kura ta’ Nature Trust-FEE Malta mill-2021. Minkejja l-gravità tal-ġrieħi li ġarrbu, iż-żewġt ifkieren wrew reżiljenza notevoli matul iż-żmien tagħhom fil-faċilità ta’ riabilitazzjoni tal-NGO. Issa huma rkupraw għalkollox, u, skond Vincent Attard, Kap Eżekuttiv ta’ Nature Trust -FEE Malta, mistennija jgħixu ħajja sħiħa u b’saħħitha.

Il-fkieren għandhom apparat installat fuq daharhom li jsegwihom permezz taʼ satelliti. Id-dejta miġbura se tiġi kondiviża mal-pubbliku permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali tan-Nature Trust-FEE Malta. Dan se jagħtina opportunità biex insegwu l-progress ta’ Atua u EM, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar it-theddid li qed jiffaċċjaw il-ħlejjaq marittimi.

Il-ħelsien ta’ Atua u EM huwa wieħed minn diversi proġetti li ntgħażlu minn għadd ta’ sottomissjonijiet taħt il-programm Rebbiegħa tal-BOV. Dan il-programmi huwa l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tal-Bank. Il-programm għandu l-għan li jappoġġja inizjattivi sostenibbli u ta’ impatt li jtejbu l-pajsaġġ ambjentali u soċjali ta’ Malta u Għawdex.