Lokali

Bżonn urġenti ta’ demm: Appell sabiex jiżdiedu d-donaturi

Il-pazjenti li għandhom bżonn id-demm fl-Isptarijiet Maltin dejjem qegħdin jiżdiedu.

Huwa għalhekk li ċ-ċentru tal-għoti tad-demm qed jappella għal aktar donaturi sabiex dawk li jiġu bżonn id-demm f’pajjiżna, ikunu jistgħu jgħixu l-ħajja li verament tixraqilhom.

Net News tkellem mal-infermiera Caroline Cassar, illi spjegat li l-każijiet ta’ thalassemia, haematology, kanċer u anke dialiżi dejjem qegħdin jiżdiedu.

Bl-infermiera tispjega li n-nuqqas ta’ provvista tad-demm f’pajjiżna tista’ anke twassal għall-waqfien tal-operazzjonijiet.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu illi t-tim taċ-ċentru tal-għoti tad-demm qed jappella lill-pubbliku sabiex imur fiċ-ċentru u jagħti d-demm tiegħu – demm li jsalva tant u tant ħajjiet f’pajjiżna.

Caroline Cassar spjegat illi tant hawn bżonn ta’ demm f’pajjiżna illi l-Ħamis 3 ta’ Ottubru u l-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru iċ-ċentru tal-għoti tad-demm se jkun qed jestendi l-ħinijiet tal-ftuħ tiegħu mit-8am sat-8pm.

Imbagħad, il-ħinijiet tal-ftuħ jerġgħu lura għal dawk skedati, mit-8am sas-6pm.