“Niddefendi dak li għidt meta kont immexxi JobsPlus. Pajjiżna kellu bżonn aktar ħaddiema barranin”.
Hija din id-dikjarazzjoni li għamel dalgħodu l-Ministru Clyde Caruana, fejn stqarr ukoll illi m’għandu l-ebda dispjaċir li nġiebu lejn Malta ammonti kbar ta’ persuni minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Dan minkejja li l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin saret bla pjan, u b’effett negattiv fuq diversi aspetti tal-infrastruttura – mhux b’inqas, il-piż fuq il-provvista tal-elettriku.
Meta kien qed iwieġeb id-domandi taċ-Chief Editor tat-Times Herman Grech, il-Ministru tal-Finanzi iddikjara wkoll li skont hu il-ħajja raħset. Dan filwaqt illi insista li l-iskema Stabbiltà għamlet il-parti tagħha.
Il-verità hi, li l-aħħar ċifri tal-NSO jikkonferma li l-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet reġgħu bdew jiżdiedu fix-xhur tas-sajf. Dan ifisser ukoll li erġajna morna lura għal kif kienet is-sitwazzjoni f’April li għadda; konferma li l-effett tal-iskema Stabbiltà kien prattikament ineżistenti.
FʼAwwissu, skont l-NSO, l-akbar kontribuzzjoni għall-inflazzjoni annwali kienet ġejja minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-restoranti. Dan filwaqt li prezz tal-ħaxix u n-nollijiet tal-ajru wkoll affetwaw ir-rata tal-għoli tal-ħajja.
Skont il-Ministru tal-Finanzi, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li titħabbar fil-Budget se tkun bejn €5 u €6.
Intant, meta kien mistoqsi dwar it-traffiku, Clyde Caruana farfar fuq il-Ministru Chris Bonett. U kollox jindika li fil-Budget mhu se jkun hemm xejn speċifiku biex tiġi indirizzata din il-kriżi li ta’ kuljum qed naffaċjaw fit-toroq tagħna.
Dwar il-fatt li l-bank HSBC jaf iħalli pajjiżna, Clyde Caruana ma elaborax. U stqarr li għalissa ma kienx se jitkellem.
Il-Ministru kien mistoqsi anke dwar is-settur tal-arti. Iżda ma qalx x’tip ta’ inċentivi se jingħataw fil-Budget.
Dwar l-Università, imbgħad, kellu kliem iebes ferm tant illi iddikjara li qabżitlu – bil-Ministru Caruana jattakka l-Università ta’ Malta u jistqarr li jridu jxammru l-kmiem biex jiġġeneraw il-flus.
//= $special ?>