Lokali

Il-PN jirringrazzja lis-suldati Maltin li qed jirrappreżentaw lil pajjiżna f’żoni perikolużi u jagħtu servizz għall-paċi

Fil-Libanu, is-suldati tagħna qed juru qlubija u dedikazzjoni f’reġjun mimli instabbiltà politika u riskji għas-sigurtà

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Darren Carabott u Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista irringrazzja lis-suldati, nisa u rġiel, Maltin li bħalissa qed iservu fil-Libanu bħala parti mill-forza ta’ paċi tan-Nazzjonijiet Uniti (UNIFIL).

Matul dawn iż-żminijiet diffiċli u inċerti, is-suldati tagħna qed juru qlubija u dedikazzjoni straordinarji fil-missjoni tagħhom li jsostnu l-paċi u l-istabbiltà fil-Libanu, reġjun mimli instabbiltà politika u riskji għas-sigurtà.

Il-PN jirrikonoxxi s-sagrifiċċji li qed jgħamlu dawn il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, li jkomplu jirrappreżentaw lil Malta b’unur fuq livell internazzjonali, anke lil hinn mil-Libanu. Il-ħidma tagħhom, taħt il-mandat tan-Nazzjonijiet Uniti, tikkontribwixxi għal ambjent aktar sikur u paċifiku, li jirrifletti l-impenn ta’ Malta għall-isforzi globali għaż-żamma tal-paċi.

Il-Partit Nazzjonalista isellem lil dawn is-suldati li qed iservu lil pajjiżhom b’tant kuraġġ u professjonalità. Il-PN jagħraf li l-kontribut tagħhom fil-Libanu huwa kruċjali mhux biss għar-reġjun iżda wkoll għall-pożizzjoni ta’ Malta bħala membru responsabbli tal-komunità internazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-Forzi Armati u jibqa’ impenjat li jassigura li l-Maltin kollha li jservu barra minn Malta jirċievu r-riżorsi u r-rikonoxximent li jixirqilhom.