Lokali

Il-Qorti tikkonferma li taħt il-Gvern Laburista kien hemm lista ta’ nies magħżula biex javvanzaw fil-Korp tal-Pulizija – PN

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għas-sentenza li ngħatat illum mill-Qrati ta’ Malta dwar il-proċess tal-għażla u l-promozzjonijiet fil-Korp tal-Pulizija li ġie ddikjarat u kkonfermat bħala vvizzjat.

F’din is-sentenza saret referenza għall-proċess deskritt bħala vvizjat mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar lura fl-2016. Dwar dan il-proċess tal-għażla għall-promozzjonijiet għall-kariga ta’ Assistent Kummissarju, il-Qorti kienet ċara: “Il-process tal-għażla jidher li kien biss faċċata għal lista ta’ applikanti li jidher li ġa kienu magħżula minn qabel irrilevanti mill-mertu tagħhom jew le”.

Din is-sentenza ssegwi wkoll il-konklużjonijiet tal-Uffiċju tal-Ombudsman fl-2017 li ddeskriva dan il-proċess ta’ promozzjonijiet fil-Korp tal-Pulizija bħala “proċess (li) kien ivvizzjat u l-eks Kummissarju tal-Pulizija ppresieda fuq parodija ta’ proċess formali” u li “M’għandhiex il-kunfidenza li l-għażla saret kif suppost”.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista – fi stqarrija maħruġa mid-deputati Darren Carabott u Karol Aquilina – qal li din is-sentenza twaqqa’ l-maskra tal-Gvern Laburista li tant ftaħar bil-meritokrazija u kemm wieħed jista’ jasal bil-ħila tiegħu; meta fil-fatt il-Qorti sabet li dan l-uffiċjali li applika għal promozzjoni għal Assistent Kummissarju qatt ma kellu ċans li jingħata l-pożizzjoni, irrilevanti jekk bil-ħiliet tiegħu kienx jikkwalifika jew le.

Din hi sentenza oħra li twaqqa’ l-maskra tal-Gvern Labursita.

Il-Partit Nazzjonalista jwassal is-solidarjetà u l-appoġġ lill-uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija li jixtiequ jaraw bidla fil-mod kif qed jitmexxa l-Korp, u jixtiequ jaraw il-karriera tagħhom tavvanza skont il-ħiliet tagħhom.

Gvern ġdid Nazzjonalista hu l-unika tama sabiex dan iseħħ.