Lokali

Inawgurazzjoni tal-wirja ‘Puccini the Photographer’ fl-okkażjoni tal-100 anniversarju mill-mewt ta’ Giacomo Puccini

Nhar it-2 ta’ Ottubru 2024 ġiet inawgurata l-wirja ‘Puccini the Photographer’ fil-binja tal-Parlament Malti. Din il-wirja, imtellgħa mill-Għaqda tal-Każini tal-Banda bl-appoġġ tal-Parlament Malti, tfakkar aspett inqas magħruf ta’ Giacomo Puccini – il-kompożitur rinomat għal opri bħal La BohèmeTosca, u Madama Butterfly – dak tal-fotografija. Waqt id-diskors tiegħu fl-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja, id-Deputy Speaker David Agius, irrimarka li dan l-aspett inqas magħruf jixhed id-dimensjonijiet artistiċi differenti ta’ dan il-ġenju tal-mużika. “Permezz tal-ġenju tiegħu, Puccini ħoloq arti intanġibbli iżda b’saħħitha. Issa nistgħu napprezzaw mhux biss il-mużika tiegħu, iżda wkoll il-ġmiel tal-ambjent li għex fih l-Italja permezz tal-mod tant fin li huwa qabad f’dawn ir-ritratti,” sostna d-Deputy Speaker.

Huwa tkellem ukoll dwar ir-rwol ewlieni tal-parlament u tal-gvernijiet fil-preservazzjoni tal-wirt kulturali intanġibbli u qal li x-xogħlijiet ta’ Puccini huma mhux biss simbolu kulturali iżda wkoll rigal li għandu jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa enfasizza r-responsabbiltà tal-parlamenti biex, permezz tal-leġiżlazzjoni u l-iskrutinju tal-politiki kulturali, jippromwovu l-edukazzjoni artistika u jiżguraw investiment adegwat fl-artisti u fil-kompożituri.

Id-Deputy Speaker temm id-diskors tiegħu billi appella biex inkomplu nissalvagwardjaw dan il-wirt b’azzjoni kollettiva, u enfasizza r-rwol tal-kultura fid-diplomazija internazzjonali fejn saħaq li l-parlamenti jistgħu jkollhom ukoll rwol biex jiżguraw li l-wirt kulturali jsir għodda għad-diplomazija, għodda li tippromwovi l-paċi u r-rispett reċiproku bejn il-fruntieri.