Il-futur hu brillanti għax intom iż-żgħażagh tagħmlulna kuraġġ għal preżent u futur isbaħ.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u ma’ għadd ta’ żgħażagħ li pparteċipaw fil-Parlament taż-Żgħażagħ, fejn kienu diskussi diversi temi mil-lenti żagħżugħa.
Filwaqt li fakkar kif id-demokrazija hi ċ-ċavetta għall-mod kif pajjiżna jista’ jimxi ’l quddiem, il-Kap tal-PN qal li esperjenza bħal din tkabbar lill-parteċipanti żgħażagħ fil-karattru tagħhom, u kompla li l-pajjiż għandu bżonn liż-żgħażagħ illum għax dawn jistgħu jagħmlu d-differenza fil-pożittiv.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista enfasizza l-ħtieġa ta’ aktar parteċipazzjoni fil-politika Maltija minn aktar żgħażagħ bħalma hemm il-ħtieġa wkoll ta’ aktar nisa, hekk kif innota li għal din il-laqgħa fid-Dar Ċentrali kien hemm aktar nisa milli rġiel. Appella wkoll biex aktar nisa jipparteċipaw fil-politika, filwaqt li rrikonoxxa li l-Istat irid jagħmel aktar biex dan il-pass ikun eħfef għalihom.
Dwar is-seduta ta’ din is-sena tal-Parlament taż-Żgħażagħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ħa gost jisma’ dwar il-mod kif il-‘partiti’ li pparteċipaw irrispettaw il-veduti differenti ta’ bejniethom. Bħax-Shadow Minister għaż-Zgħażagħ u l-Ispazji Pubbliċi Bernice Bonello – li wkoll ipparteċipat fil-laqgħa – Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ preżenti u f’kuntatt ma’ min jipparteċipa fil-Parlament taż-Żgħażagħ għax mingħajr iż-żgħażagħ, li għandhom ħafna ideat tajbin, il-politiċi ma jistgħux jifhmu għalkollox l-isfidi tal-lum il-ġurnata.
Iż-żgħażagħ preżenti spjegaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kif il-Parlament taż-Żgħażagħ hu importanti ħafna għax joħroġ il-potenzjal taż-żgħażagħ anke fil-ħolqien tal-politika. Filwaqt li qalu li esperjenza bħal din tgħallimhom iħarsu ’l quddiem fl-impenn tagħhom lejn il-pajjiż, irringrazzjaw lill-Partit Nazzjonalista għal din l-istedina biex jiddiskutu dak li verament jemmnu fih għax dawn l-esperjenzi jistgħu jwasslu biex għada jkollna aktar politiċi żgħażagħ, li huma l-preżent u l-futur.
Minbarra x-Shadow Minister Bernice Bonello, ipparteċipaw fil-laqgħa wkoll is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista Stefan Caruana u diversi membri mill-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN).
//= $special ?>