Internazzjonali

Iżrael: Jirrankaw l-attakki fuq il-Ħeżbollah fil-Libanu… bl-Iran ukoll fil-mira

Il-qawwiet ta’ Iżrael żiedu l-azzjonijiet militari kontra l-milizji Xiti tal-grupp Ħeżbollah fil-Libanu…Dan waqt li l-Gvern Iżraeljan kompla jtenni li l-milizji, u b’mod partikulari l-Iran, bħala l-alleat kbir tagħhom, iridu jbatu ħafma aktar, fost sensiela ta’ rejds ta’ ritaljazzjoni li għandhom jiswew prezz terribbli f’ħajja mitlufa kif ukoll f’qerda ta’ faċilitajiet.

L-Iżraeljani mal-ewwel wasslu r-risposta li għadhom lesti aktar minn qatt qabel biex jirrankaw il-livell tal-gwerra wara li l-Iran, fil-lejl tat-Tlieta, spara viċin il-200 missila ballistika lejn Iżrael. Il-missili kienu interċettati mis-sistemi tad-difiża ta’ Iżrael, fosthom is-sistemi sofistikati bl-isem ta’ Iron Dome u David’s Sling u bil-qawwiet tal-baħar tal-Istati Uniti (li għandhom preżenza sinifikanti fil-Lvant Nofsani) ukoll iwaqqgħu wħud mill-missili.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Bernjamin Netanyahu, qal li l-Iran irid jinduna bl-iżball li għamel b’dan l-attakk, bil-Kapijiet tal-militar isostnu li huma jirriservaw id-dritt li jattakkaw x’ħin u meta jridu lill-qalba tal-Iran kif ukoll il-faċilitajiet taż-żejt ta’dan il-pajjiż. Dan waqt li l-Iżraeljani qed jiġġieldu fuq diversi fronti fil-Lvant Nofsani u fejn, fuq kollox, beħsiebhom ikomplu bil-burraxki fuq il-Ħeżbollah.

Fil-fatt, l-attakki fuq iċ-ċentru ta’ Bejrut qed jitqiesu bħala ‘dikjarazzjoni uffiċjali ta’ gwerra totali’ minn Iżrael fuq il-Ħeżbollah u l-entitajiet l-oħra ta’ militanti fir-reġjun…Gwerra li minnha se jkompli jbati l-poplu Lebaniż, bl-eluf ta’ vittmi, midruba u refuġjati għandhom ikomplu jiżdiedu minn jum għal jum.

L-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, laqtu bini, f’Bejrut, li serviet bħala residenza għal wieħed mill-kapijiet tal-Ħeżbollah, flimkien ma’ ċentru mediku li jaħsbu li, fil-fatt, huwa bażi għall-milizji Xiti. Dan ukoll meta kompliet ix-xita tal-missili fuq Dahieh, il-fortizza ewlenija tal-Ħeżbollah fin-nofsinar tal-kapitali Lebaniża.

L-Iżraeljani qed iwissu lir-residenti taz-zoni fin-nofsinar tal-Libanu biex jevakwaw mill-aktar fis għas-sigurtà tagħhom u meta huma qed jirrankaw l-offensiva fuq is-siti tal-Ħeżbollah f’dik il-parti tal-pajjiż. Fl-istess ħin, it-truppi Iżraeljani qed jippersistu bl-invażjoni tan-Nofsinar tal-Libanu , bl-Armata tinsab determinata biex tpattiha lill-milizji Xiti għall-qtil ta’ tmien kommandos waqt numru ta’ battalji ħorox mal-iskwadri tal-Ħeżbollah.

Rapporti oħra li daħlu issa qalu li l-qawwiet Iżraeljani  wettqu l-attakki mill-ajru, fost l-isparar tal-artillerija, għal fuq numru ta’ lokalitajiet fil-Libanu li jinkludu d-distrett ta’ Bint Jbeil, fin-nofsinar tal-pajjiż. Dan id-distrett hu hub mill-aktar attiv tal-Ħeżbollah u l-ajruplani wettqu attakki ta’ preċiżjoni fuq id-depots fejn il-milizji għandhom kwantità kbira ta’ armamenti.

Fl-azzjonijiet, mifhum li ntlaqtu mal-200 mira tal-Ħeżbollah fil-Libanu, fosthom iċ-ċentri għall-osservazzjoni u bl-Iżraeljani. Ilbieraħ. jikkonfermaw l-eliminazzjoni ta’ mill-anqas 20 terrorista oħra, li jinkludu xi uffiċjali tal-Eżekuttiv tal-grupp Lebaniż.