Sirjan ta’ 25 sena residenti Wied il-Għajn ingħata l-pleġġ wara li l-Pulizija xlietu li hedded lill-eks mara tiegħu wara li talbitu jmorru sal-Moskea u jtemmu ż-żwieġ. Huwa mifhum li l-mara qalet li żewġha ma riedx imur il-Moskea biex itemmu ż-żwieġ. Għalhekk iddeċidiet li titlaq mid-dar u tmur f’xelter.
Mas-‘social worker’ il-mara qalet li l-akkużat beda jibgħatilha theddid permezz ta’ messaġġi, li kienu jinkludu ‘videos’ dwar kif il-mara fi żwieġ Għarbi tappartjeni lir-raġel għal dejjem. Huwa qalilha wkoll li x-xewqa tagħha se twassal li tispiċċa “tibki dmugħ tad-demm”.
Il-mara f’dan l-istadju kienet mitluba mis-social worker tagħmel it-tieni rapport mal-Pulizija u sarilha wkoll risk assessment, li rriżulta li kienet tinsab f’periklu għoli. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo semgġet lill-Pulizija tgħid li l-imputat tressaq b’arrest minħabba r-riżultat tal-assessjar li sar fuq il-mara.
Għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Pulizija oġġezzjonat bil-qawwa kollhga minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi u ntalbet l-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Maġistrat Farrugia Frendo laqgħet it-talba għall-pleġġ u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma waqt li infurmat lir-raġel li jeħtieġ joqgħod mal-kundizzjonijiet imposti fuqu, fosthom li jiffirma kuljum l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar, jiddepożita €500 u jagħeml tajjeb b’garanzija personali ta’ €10,000.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Christian Cauchi waqt li għa;l-akkużat deher l-Avukat Noel Bianco.
//= $special ?>