Il-prosekuturi fl-Istati Uniti qalu li l-eks President Amerikan Donald Trump ‘irrikorra għal aġir simili għal reat’ meta prova jaqleb ir-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2020. Trump kien tilef l-elezzjoni kontra l-President Joe Biden, dak iż-żmien il-kandidat tal-Partit Demokratiku u l-prosekuturi qed jinsistu biex jitressqu akkużi ‘speċifiċi għar-reat’ i fil-konfront tal-eks President tal-Istati Uniti.
Fil-fatt, rikors ġdid li tressaq ill-qorti qed jikkuntesta l-pożizzjoni ta’ Trump li jemmen li mgħandux jgħaddi minn proċess ġudizzjarju minħabba ruling storiku ġdid min-naħa tal-Qorti Suprema Amerikana….Ruling li jiddikjara li l-Presidenti tal-Istati Uniti għandhom ikollhom l-immunità mill-prosekuzzjoni ladarba jkunu aġixxew f’kapaċità ‘uffiċjali’.
U waqt li Trump kien il-President Amerikan meta seħħew l-allegati ‘reati’, l-prosekuturi qed jgħidu li hu aġixxa fil-kapaċità ta’ ‘ċittadin privat’ u mhux bħala l-Ogħla Uffiċjal tal-pajjiż.
Intant, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, irrepeta l-akkużi foloz li l-elezzjoni tal-2020 kienet ‘imbagħbsa favur Biden’ . Hu enfasizza li r-rikors qed jingħata pubbliċità bil-ħsieb li ssirlu l-ħsara qabel l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti….Elezzjoni fejn Trump, bħala l-kandidat Repubblikan, se jikkuntesta kontra l-Viċi-President Amerikan Kamala Harris.
Donald Trump, waqt intervista ma’ NewsNation, ikkritika lill-Avukat Speċjali Jack Smith bħala l-prosekutur ewlieni fl-investigazzjoni dwar l-indħil fl-elezzjoi Presidenzjali u li ressaq ir-rikors inkwistjoni. Dan il-każ, fil-fatt, hu wieħed minn erba’ każi kriminali li Donald Trump kellu jiffaċċja mindu tilef l-elezzjoni tal-2020 –u b’każ minnhom jirriżulta f’verdett ta’ ħtija storika fi New York.
Intant, Trump hu akkużat dwar ‘attentat’ biex itellef, illegalment, il-konferma uffiċjali tal-President Biden fl-elezzjoni tal-2020 u fejn hu qed jiċħad li kiser il-liġi.
Madankollu, ir-rikors – dokument ta’ 165 paġna – qed jagħti idea ċara dwar kif, ‘il quddiem, għandha timxi l-prosekuzzjoni li provdiet id-dettalji dwar l-iskema allegata ta’ Trump. Hawnhekk jissemmew l-azzjonijiet tiegħu meta s-sostenituri tal-Partit Repubblikan assedjaw il-bini tal-Capitol f’Washington fis-6 ta’ Jannar tal-2021 – kif ukoll l-isforzi tal-eks Viċi-President Amerikan Mike Pence li kien talab ‘għalxejn’ lil Trump biex jikkalma l-affarijiet dakinar.
//= $special ?>