Il-Qorti ma’ laqgħetx it-talba tad-difiża li opponiet li espert tal-Qorti jippreżenta xi dokumenti li ma kienux sottomessi qabel minħabba problemi teknici fil-USB u jiġu annessi mal-inkjesta maġisterjali fil-każ ta’ l-eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna u oħrajn akkużati li fost oħrajn wettqu frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mas-serqa tat-tliet sptarijiet.
Id-difiża qalet li dan il-proċess huwa magħluq u żiedet li l-prosekuzzjoni jeħtieġ li tiddikjara jekk dokument li ntalab li jiġi ppreżentat jifformax parti mir-relazzjoni fl-inkjesta jew huwiex rapport addizzjonali.
Il-prosekuzzjoni qalet li huwa x-xogħol l-espert li jiddikjara x’fihom id-dokumenti u saħqet li jekk d-difiża trid tqajjem tħassib dwar dak li jiġi ppreżentat għandha tagħmel dan fi istadju opportun tal-proċeduri. Mitlub jispjega aktar fid-dettal x’fihom dawn id-dokumenti, l-espert Dr. Samuel Sittlington qal li d-dokumenti jifformaw parti mir-rapport finali u wieħed mid-dokumenti jelenka evidenza li nġabret fil-konfront ta’ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ċaħad it-talba tad-difiża u qal li d-dokumenti ppreżentati mill-espert għandhom jiġu inklużi f’dawn il-proċeduri. Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ żewġ eks Ministri anzjani u tliet Segretarji Permanenti li qed jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet.
Huwa rrikonoxxa wkoll li l-imputati u d-difiża tagħhom għandhom bil-liġi jkollhom l-aċċess kollu għad-dokumentazzjoni u l-provi preżentati quddiem il-Qorti inkwerenti u għalhekk ordna li l-kontenut nieqes mill-inkjesta iżda ppreżentat illum mill-espert jiġi mgħoddi lill-imputati u d-difiża tagħhom f’qasir żmien.
Waqt il-kontro-eżami, id-difiża staqsiet lill-espert liema parti mir-rapport kien se jieħu responsabilità ghaliha bix-xhud iddikjara li kien se jerfa’ responsabbiltà biss tad-dokumenti li jsostnu l-evidenza fl-appendiċi.
L-avukat difensur Franco Debono allega li l-espert uża informazzjoni biex ibiegħ servizzi oħra lill-Pulizija bl-espert xehed li l-informazzjoni li għandha d-difiża mhux kompletament korretta iżda kkonferma li fl-2020 kien mitkellem mill-Kummissarju tal-Pulizija biex jipprovdi taħriġ lir-rekluti u lill-Pulizija fit-Taqsima kontra Reati Finanzjari.
Mistoqsi mill-Maġistrat Caruana nnifsu kif il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sar jaf bis-servizz tiegħu, Dr Sittlington wieġeb li fl-2001 kien ta taħriġ lil Korp tal-Pulizija u li kienu xi nies minn dak iż-żmien li ssuġġerew is-servizz tiegħu lill-Kummissarju.
L-Avukat Debono ssuġġerixa li għal dan it-taħriġ, l-espert talab il-pagament ta’ €936,000, bix-xhud isostni li fil-kommunikazzjoni tiegħu mal-Kummissarju qatt ma kien elenkat ammont. Id-difiża qalet ukoll li l-espert tal-Qorti bagħat korrispondenza lill-Kummissarju tal-Pulizija u ssuġġerixxa taħriġ speċifiku.
Dan għall-fatt li meta nħatar espert f’inkjesti oħra fehem aħjar x’tip ta’ investigazzjonjiet kienet meħtieġa ssir mill-Pulizija ta’ Kontra r-Reati Finanzjarji. Għal din l-allegazzjoni, l-espert Dr Sittlington qal li ma jiftakarx u li jrid jiċċekja l-korrispondenza. Il-Maġistrat Caruana ordna lill-espert jippreżenta din il-korrispondenza fis-seduta li jmiss.
Quddiem Qorti oħra għaddejjin proċeduri oħra kontra diversi persuni oħra fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembru u l-eks Ministru Konrad Mizzi. Fearne ta’ 61 sena u Scicluna ta’ 77 sena qed jiġu akkużati li kienu jafu bil-qerq li kien qed isir u li ma aġġixxewx kif kellhom id-dmir li jagħmlu. Huma qed jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ miżappropjazzjoni.
Il-lista ta’ dawk akkużati flimkien ma’ Fearne u Scicluna, tinkludi l-eks Segretarji Permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, Ronald Mizzi, il-membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni James Camenzuli, Manuel Castagna u Robert Borg, il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara, kif ukoll ħames avukati Kevin Deguara , Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt.
L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Edward Scicluna u Chris Fearne. Joseph Rapa huwa rappreżentat mill-avukati Stefano Filletti, Maurice Meli u Michael Sciriha. Għal Kenneth Deguara qed jidhru l-avukati Zachary Psaila, Franco Debono u Jonathan Thompson. Jean Carl Farrugia qed jiġi difiż mill-avukati Zachary Psaila, Franco Debono, Arnold Camilleri u Jonathan Thompson.
//= $special ?>