Sentenza sospiża għal kuntrattur ta’ 62 sena li mar sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €5,000 wara li nżamm responsabbli ta’ inċident li fih ħaddiem weġġa’ wara li sfronda saqaf ta’ residenza f’Tas-Sliema fejn kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni.
L-inċident seħħ fit-23 ta’ Novembru 2015, għall-ħabta tas-1.45pm, fl-eks dar tal-anzjani li kien jisimha “Charella” fi Triq il-Kurunell Savona. Fil-ħin tal-inċident kien hemm tliet ħaddiema li kienu qed iqattgħu s-saqaf, dejjem taħt id-direzzjoni tal-akkużat Emmanuel Bonavia.
Waqt ix-xogħol sfronda s-saqaf u tnejn mill-ħaddiema waqgħu għoli ta’ madwar sular b’wieħed minnhom jispiċċa jsofri minn ġrieħi gravi. Il-Maġistrat Kevan Azzopardi sema’ jagħti d-depożizzjoni tagħhom pulizija, tobba, periti u rappreżentanti tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).
Fid-dawl ta’ din ix-xhieda, il-Maġistrat Azzopardi rrimarka li l-provi juru li għalkemm periti li xehdu qalu li fuq il-post kellu jintrama saqaf falz waqt it-twaqqiegħ, il-kuntrattur ma riedx jaħdem b’dan il-mod. Huwa sostna li konvint li l-armar ma sarx kif kellu jsir u għal xi raġuni Bonavia baqa’ jinsisti li ma riedx jarma saqaf falz meta ngħata parir biex jagħmlu.
Għal dawn ir-raġunijiet sab lil Bonavia ħati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġuna ġrieħi gravi lil wieħed mill-ħaddiema li kienu fuq il-post. Fis-sentenza tiegħu, l-Maġistrat Azzopardi qal li huwa kkunsidra li dan kien inċident serju li ħalla ħaddiem li kien qed jaħdem biex jaqla’ l-għixien tiegħu ferut fuq il-post tax-xogħol.
//= $special ?>Dan l-inċident seta’ wassal għal traġedja kbira fejn seta’ anke ħasad il-ħajja tan-nies. L-ebda ħaddiem m’għandu jispiċċa ferut fuq il-post tax-xogħol minħabba negliġenza ta’ ħaddieħor. Li kieku ma kinitx għar-ras iebsa ta’ Bonavia dan l-inċident seta’ ġie evitat.
Il-Qorti qalet li minkejja Bonavia ħa diversi prekawzjonijiet oħra seta’ għamel ħafna aktar u għalhekk ikkundannah 6 xhur ħabs li jidħlu fis-seħħ jekk jikkometti reat ieħor fi żmien sentejn. L-akkużat kien tressaq b’ċitazzjoni bil-kawża tinstema’ bħala seduta tad-Distrett ta’ Tas-Sliema