Internazzjonali

UE: Iżżid l-azzjoni legali fil-konfront tal-Ungerija rigward il-liġi kontroversjali

Il-Kummissjoni Ewropea qed iżżid l-azzjonijiet legali fil-konfront tal-Ungerija wara li l-pajjiż introduċa liġi kontroversjali dwar ‘is-sovranità nazzjonali’. Intant, ir-Rappreżentanti għall-Gvern Ungeriż iridu jwieġbu fil-qorti dwar il-liġi li skont huma hi neċessarja għall-ħarsien tas-sovranità tal-pajjiż u li l-NGOs qed jikkundannawha bħala ‘strument perikoluż’ intiż biex jagħlaq ħalq l-entitajiet tal-Oppożizzjoni (fl-Ungerija).

Ir-rikors lill-qorti jirrappreżenta l-pass li jmiss fl-azzjoni legali mibdija mill-Kummissjoni fi Frar u wara li l-ispjegazzjoni dwar il-liġi min-naħa tal-Ungerija ma kenitx meqjusa bħala kredibbli.

Id-deċiżjoni effettivament  ‘titrasferixxi’ l-każ minn Brussell għal-Lussemburgu li jipprovdi s-sede għall-Ogħla Qorti tal-UE.

Intant, il-Kummissjoni Ewropea ma talbitx lill-maġistrati biex jimponu xi miżuri temporanji fil-konfront tal-Ungerija iżda, fl-istess ħin, ilmentat dwar il-fatt li ‘dan il-pajjiż qed jonqos milli jindirizza t-tħassib ta’ Brussell’.