Lokali

Dimostrazzjoni l-Belt Valletta biex jitfakkar il-bidu tal-ġlied fil-Lvant Nofsani

Attivisti, organizzazzjonijiet u komunitajiet se jiltaqgħu quddiem il-Parlament, il-belt Valletta, nhar il-Ħadd li ġej, is-6 ta’ Ottubru fit-3pm biex ifakkru sena ta’ ġenoċidju f’Gaża. Id-dimostrazzjoni, organizzata mill-Moviment Graffitti, L-Ambaxxata tal-Palestina f’Malta, il-Watermelon Warriors, il-Youth for Palestine, u Ġustizzja għall-Palestina, se tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni ta’ ħafna gruppi oħrajn (ara l-lista iktar ‘l isfel).

Bħala parti mill-attività, se tiġi esebita stallazzjoni viżwali biswit il-bini tal-Parlament li tfakkar il-vittmi ta’ dan il-ġenoċidju.

L-organizzaturi qegħdin isejħu sabiex il-Gvern Malti jieħu pożizzjoni iktar ċara u deċisiva kontra l-ġenoċidju u l-oppressjoni kontinwa mill-Iżrael. Malta għadha ma tennietx ir-rikonoxximent tagħha tal-Istat Palestinjan, u d-dikjarazzjonijiet tagħha fi pjattaformi internazzjonali huma pjuttost ambigwi – ma jidentifikawx b’mod ċar u dirett il-ġenoċidju u ma jsejħux għal sanzjonijiet kontra l-Iżrael.

Barra minn dan, qed insejħu biex il-Gvern Malti jiddikjara pubblikament li mhux se jħalli provvisti militari għall-Iżrael jgħaddu mill-ibħra u l-ispazju tal-ajru ta’ Malta.

Ma nistgħux nibqgħu nħarsu meta naraw sena ta’ ġenoċidju f’Gaża u 76 sena ta’ oppressjoni ħarxa mill-Iżrael fuq il-poplu Palestinjan. Mit-twaqqif tiegħu l-Istat Iżraeljan implimenta kampanja sistematika biex ikeċċi lill-Palestinjani minn arthom sabiex jeħodha hu. Għall-Palestinjani, dan fisser għexieren ta’ snin ta’ okkupazzjoni, apartheid u massakri bla waqfien.

Matul din l-aħħar sena biss, iktar minn 42,000 Palestinjan sfaw immassakrati f’Gaża, l-iktar tfal u nisa, filwaqt li l-bqija tal-popolazzjoni qiegħda tmut bil-ġuħ u bil-mard. Fix-Xatt tal-Punent okkupat, l-attakki tal-insedjamenti Iżraeljani żdiedu bil-kbir, u l-forzi tal-okkupazzjoni Iżraeljana eskalaw l-aggressjonijiet qattiela tagħhom fuq irħula, kampijiet tar-refuġjati, ġurnalisti u attivisti.

Il-kompliċità ta’ ħafna pajjiżi tal-Punent fl-atroċitajiet Iżraeljani ħallew din is-sitwazzjoni tal-waħx tmur mill-ħażin għall-agħar. L-Iżrael issa intensifika l-aggressjoni brutali tiegħu kontra l-poplu Libaniż, li ilu għal żmien twil iġarrab it-terrur tal-ambizzjonijiet kolonjali Iżraeljani. Iktar minn 1,000 Libaniż inqatlu mill-Iżrael matul dawn l-aħħar ftit jiem biss, u iktar minn miljun persuna ma kellhomx għażla għajr li jaħarbu minn djarhom.

Inħeġġu lill-pubbliku biex nhar il-Ħadd jingħaqad magħna biex flimkien nesprimu r-rabja kollettiva tagħna kontra dawn l-atroċitajiet bla qies u biex nuru solidarjetà mal-poplu Palestinjan u dak Libaniż fil-ġlieda tagħhom għall-kisba tal-ġustizzja u l-ħelsien.  

Din il-protesta ser tiġi organizzata mill-Ambaxxata Palestinjana f’Malta, Ġustizzja mal-Palestina, Moviment Graffitti, Watermelon Warriors u Youth for Palestine

Dan bil-parteċipazzjoni ta’ Aditus Foundation, Alleanza għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Paċi, Dance Beyond Borders, Humanists Malta, Malta LGBTIQ Rights Movement, Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Peacelab, PEN Malta, Young Progressive Beings.