Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’laqgħa ta’ kortesija mal-Għaqda Veterani tal-AFM

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa ta’ kortesija mal-Għaqda Veterani tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Matul din il-laqgħa huma saħqu fuq l-importanza li s-suldati jkunu nkoraġġuti jkomplu jagħtu servizz anke wara li jkunu għaddew il-25 sena servizz. Dan apparti li dawk li ma jkomplux għandhom jingħataw l-għajnuna neċessarja sabiex isibu l-opportunitajiet wara li jkunu lestew mis-servizz.

Huma qalu wkoll li bħalissa f’din l-għaqda hemm madwar 380 membru – kollha eks suldati fl-armata.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna fuq l-importanza tal-Forzi Armati ta’ pajjiżna, filwaqt li tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem sabiex is-suldati jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet possibbli.

Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Darren Carabott u Paula Mifsud Bonnici.