Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ ksur billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil Malta (INFR(2024)2214), lill-Greċja (INFR (2024)2209), lil-Lussemburgu (INFR(2024)2215), lis-Slovenja (INFR(2024)2211), lis-Slovakkja (INFR(2024)2210) u lill-Iżvezja (INFR(2024)2208) talli naqsu milli jittrasponu b’mod korrett id-Direttiva dwar it-tisħiħ tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritti li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (id-Direttiva 2016/343/UE).
Id-Direttiva hi waħda minn sitt Direttivi adottati mill-UE biex joħolqu standards minimi komuni li jiżguraw li jingħata proċess ġust u li d-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali jiġu protetti biżżejjed mal-UE kollha.
Il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali nnotifikati mis-sitt Stati Membri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li l-miżuri nnotifikati mill-Greċja u mil-Lussemburgu ma jittrasponux b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-referenzi pubbliċi għall-ħtija u l-proċessi in absentia. Barra minn hekk, il-Lussemburgu naqas milli jittrasponi b’mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar l-użu tat-trażżin fiżiku fil-qorti jew fil-pubbliku, dwar il-konsegwenzi tal-użu tad-dritt għas-silenzju u d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, kif ukoll dwar ir-rimedji disponibbli f’każ ta’ ksur tad-drittijiet minquxa fid-Direttiva.
Il-Kummissjoni sabet li l-miżuri ta’ traspożizzjoni nnotifikati minn Malta ma jirriflettux ir-rekwiżit tad-Direttiva li kwalunkwe esklużjoni ta’ persuna minn proċess, fejn meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq xieraq tal-proċedimenti kriminali, għandha tkun temporanja.
Fir-rigward tal-Iżvezja, is-Slovenja u s-Slovakkja, il-Kummissjoni jidhrilha li naqsu milli jittrasponu b’mod korrett għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jiġifieri: il-preżunzjoni tal-innoċenza (l-Iżvezja u s-Slovenja), il-projbizzjoni tar-referenzi pubbliċi għall-ħtija, l-użu ta’ miżuri ta’ trażżin fiżiku fil-qorti jew fil-pubbliku (is-Slovenja), l-oneru tal-provi, il-konsegwenzi tal-użu tad-dritt għas-silenzju u li wieħed ma jinkriminax ruħu (l-Iżvezja u s-Slovenja), ċerti dispożizzjonijiet tal-proċessi in absentia, u dwar ir-rimedji f’każ ta’ ksur tad-drittijiet minquxa fid-Direttiva.
Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta’ intimazzjoni lill-Greċja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lis-Slovenja, lis-Slovakkja, u lill-Iżvezja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
//= $special ?>